Ġew ippreżentati l-warrants lil mija u żewġ avukati u għaxar prokuraturi legali ġodda wara li wrew il-kompetenza tagħhom biex jeżerċitaw il-professjoni legali.
F’ċerimonja li saret fl-Admiral’s Hall fil-Forti Sant’Anġlu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, awgura lill-avukati u l-prokuraturi legali l-ġodda filwaqt li saħaq li huwa d-dmir tagħhom li jiggarantixxu aċċess għall-ġustizzja u rappreżentanza legali tajba lil kull ċittadin.
Il-Ministru qal ukoll li dawn l-avukati u prokuraturi legali għandhom iwettqu dmirhom bis-serjetà u b’rispett sħiħ lejn il-kostituzzjoni, il-liġijiet, u r-regolamenti kollha tal-pajjiż.
Irrefera għall-ħidma intensiva li għaddej biha l-Gvern fuq diversi riformi leġiżlattivi u saħaq li jeħtieġ li jitkompla l-proċess ta’ mmodernizzar u ta’ bidliet legali li jagħmlu l-proċessi iqsar, inqas ripetittivi, u aktar effiċjenti, filwaqt li fl-istess ħin ikompli jsir investiment fir-riżorsi umani u fl-infrastruttura neċessarja.
“Il-professjoni legali se tkompli tissaħħaħ bl-introduzzjoni ta’ ’l fuq minn mitt avukat, u anke għaxar prokuraturi legali, li rċevew il-warrant biex jipprattikaw. Ċertament, awgurajnielhom f’dan it-tragward professjonali u s-suċċess li kisbu, filwaqt li komplejna nisħqu fuq ir-riformi u l-impenn tal-Gvern li nkomplu nsaħħu s-settur tal-ġustizzja f’pajjiżna, inkluż li nkomplu nsaħħu l-professjoni legali f’pajjiżna.’”
Il-Ministru Attard kompla jgħid ukoll li l-pass li jmiss huwa li, id f’id mal-Kamra tal-Avukati u dik tal-Prokuraturi Legali ssir ħidma biex jitfassal abbozz li mhux biss jirregola l-professjoni iżda wkoll isaħħaħha.
Iċ-ċerimonja ġiet indirizzata wkoll mill-Prim Imħallef, Mark Chetcuti, mill-avukat Matthew Brincat f’isem il-Kamra tal-Avukati, u l-prokuratur legali Gerald Bonello f’isem il-Kamra tal-Prokuraturi Legali.
Preżenti wkoll kien hemm l-Avukat Ġenerali, Victoria Buttigieg; l-Aġent Avukat tal-Istat, Roma d’Alessandro; il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, Eunice Grech Fiorini; il-Viċi Kap tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, Vanessa Grech; kif ukoll rappreżentanti tal-Kumitat tal-Avukati u l-Prokuraturi Legali fi ħdan il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.