Għada, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, se tindirizza l-Parlament Ewropew f’dak magħruf bħala d-Diskors tal-Istat tal-Unjoni.
Dan id-diskors se jsir fil-binja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Franza, quddiem plenarja li se tkun mimlija bil-Membri Parlamentari Ewropej wara s-sentejn tal-pandemija.
Dan id-diskors mill-President tal-Kummissjoni Ewropea se jsir bil-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa u anki bil-kriżi tal-enerġija bla precedent fl-isfond, hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija żdiedu b’mod qawwi madwar il-kontinent Ewropew.
Dan id-diskors se jkun qiegħed isir wara li, il-ġimgħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret sett ta’ proposti biex il-kontinent Ewropew ikollu biżżejjed enerġija matul ix-xhur tax-xitwa. Fost dawn il-miżuri hemm dik ta’ limitu massimu għall-prezz tal-enerġija tal-gass li ġej mir-Russja.
Waqt dan id-diskors mistenni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea se twassal il-programm ta’ sena li se tkun qed taħdem fuqu l-Unjoni Ewropea.