Ix-xahar li għadda, l-għadd ta’ kuntratti li saru fuq bejgħ ta’ proprjetà residenzjali kien 1,228, żieda ta’ 58 kuntratt meta mqabbel ma’ kemm kienu ġew irreġistrati f’Awwissu tas-sena l-oħra.
Minn dawn, 1,112-il kuntratt – jew 90.6 fil-mija – kienu jinvolvu xerrejja individwali, u l-bqija saru minn kumpaniji.
Il-valur ta’ dawn il-kuntratti kien ta’ €280.1 miljun, li huwa 13.1 fil-mija ogħla mill-valur korrispondenti f’Awwissu 2021.
Minn dawn, €236.4 miljun, jew 84.4 fil-mija, kienu jinvolvu xerrejja indvidwali, filwaqt li l-bqija kienu kuntratti ffirmati minn kumpaniji.
Din l-informazzjoni ħarġet minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
L-ogħla numru ta’ kuntratti li ġew iffirmati fuq bejgħ jinvolvu proprjetà f’Għawdex (184) u fir-reġjun ta’ Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra, iż-Żejtun, Birżebbuġa, Wied il-Għajn, u Marsaxlokk (155).
L-inqas li kien hemm kuntrtti fuq bejgħ ta’ proprjetà residenzjali fihom kien fir-reġjun tal-Birgu, l-Isla, Bormla, u l-Kalkara (24) u f’dak ta’ Ħ’Attard, Ħal Bazan, l-Iklin, u Ħal Lija (45).
Intant, l-NSO ħabbar ukoll li x-xahar li għadda saru 918-il konvenju fuq proprjetà residenzjali. Dan ifisser żieda ta’ 30 konvenju, jew 3.4 fil-mija, fuq kemm kienu saru fl-istess xahar tas-sena l-oħra. Minn dawn, 863 – jew 94 fil-mija – saru minn individwi filwaqt li l-bqija kienu jinvolvu kumpaniji.
Rigward il-konvenji, l-aktar li saru kienu fuq proprjetà fir-reġjun ta’ Birkirkara, il-Gżira, l-Imsida, Ta’ Xbiex, u San Ġwann (121), u fir-reġjun ta’ Ħaż Żabbar ix-Xgħajra, iż-Żejtun, Birżebbuġa, Wied il-Għajn, u Marsaxlokk (113).
L-inqas numri ta’ konvenji ġew innutati rigward proprjetajiet fir-reġjun tal-Birgu, l-Isla, Bormla, u l-Kalkara (19) u fir-reġjun tal-Imdina, Ħad-Dingli, ir-Rabat, l-Imtarfa, u l-Imġarr (25).