L-Italja huma ċ-champions tad-Dinja tal-Volleyball tal-irġiel hekk kif fil-finali li ntlagħbet il-Ħadd filgħaxija, huma għelbu lill-ex champions il-Polonja 3-1.
It-taljani b’hekk rebħu dan it-trofew wara assenza ta’ 24 sena.
F’Arena mimlija partitarji pollakki, hekk kif il-finali kienet qed tintlagħab il-Polonja, l-Italja irnexxielha tirreaġixxi mit-telfa tal-ewwel set.
Il-Polonja rebħu l-ewwel set 25-22, biss it-taljani rebħu t-tliet sets ta’ wara rispettivament 25-21, 25-18 u 25-20.
Għall-Italja din kienet ir-raba’ darba li rebħu l-kampjonat tad-dinja wara s-suċċessi fl-1990, 1994 u 1998. Is-sena l-oħra t-team żagħżugħ taljan rebaħ il-kampjonat ewropew.
Is-suċċess f’dan il-kampjonat ġie milqugħ b’entużjażmu kbir fl-Italja tant li mal-wasla lura lejn pajjizhom, il-plejers taljani kellhom laqgħa mal-president taljan Sergio Mattarella.