Numru rekord ta’ ħamsa u għoxrin tifel u tifla b’diżabilità, li l-età tagħhom tvarja minn 3 sa 14-il sena, spikkaw fil-programm ta’ Skolasajf immexxi minn Depiro Sports Club, tul dan is-sajf.
Minbarra dawn il-25 tifel u tifla, il-klabb laqa’ wkoll madwar 1,100 parteċipant taħt it-18-il sena.
Bosta ġenituri nnutaw kif setgħu jaraw inklużjoni fil-prattika fejn dawn il-mijiet ta’ tfal kienu esposti għall-valuri tal-inklużjoni u opportunitajiet indaqs.
“Rajt illi għenithom ħafna għax hawnhekk kellhom ċans aktar jissoċjalizzaw u jesperimentaw affarijiet ġodda, bħan-natura, sport u affarijiet illi huma ħarġilhom il-karattri u rajna li għalkemm għandhom diversi abilitajiet differenti kienu kapaċi jkomplu ma’ tfal l-oħra… Inħossni onorata li t-tifel jagħmel parti minn din il-komunità daqshekk sabiħa għax inħoss illi t-tfal tagħna jikbru f’soċjetà tant sabiħa.”
Waħda mill-għalliema tal-programm spjegat kif permezz ta’ dan il-programm, dawn it-tfal ingħataw attenzjoni fuq bażi one-to-one f’ambjent edukattiv inklussiv mifrux fuq diversi temi.
“Din is-sena kellna għoxrin LSE, f’każ ta’ student li għandu bżonn one-to-one LSE, iġifieri kellna integrazzjoni fenominali din is-sena u hekk qed inrawmu t-tfal tal-komunità kollha jkunu parti minn din is-soċjetà ġdida li qed ngħixu fiha.”
F’diskors li għamlet il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli, f’attività li matulha tħabbar li Depiro Basketball Club issa se jibda jissejjaħ Depiro Sports Club, faħħret il-mod li bih din is-soċjetà rnexxielha żżewweġ tliet prinċipji, il-prinċipju tal-inklużjoni, dak tal-volontarjat u dak tal-isport.
“Qed naraw kif il-kelma inklużjoni qiegħda tkun prattikata fil-veru sens tal-kelma, li kien hemm 25 tifel u tifla b’diżabilità li matul is-sajf ingħataw dan is-servizz importanti għalihom.”
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Sindku tal-Imtarfa, Kyle Mifsud.