Is-Sibt filgħaxija ingħata bidu għall-Kampjonat Ewropew għall-Sewwieqa Professjonali b’4 tiġrijiet fil-Korsa ta’ Wallonie Mons il-Belġju. Ir-rappreżentant Malti Rodney Gatt ma setax ikollu bidu aħjar hekk kif spiċċa l-ġurnata jokkupa l-ewwel post tal-klassifika b’total ta’ 37 punt daqs is-sewwieq Taljan iżda bi pjazzamenti aħjar hekk kif Rodney irnexxielu jirbaħ waħda mit-tiġrijiet.
Fl-ewwel tiġrija Gatt spiċċa fit-3 post bid-debba Miss Photo b’rebħa li marret għand is-sewwieq Serb Miodrag Pantic. Fit-2 tiġrija Rodney Gatt daħal fir-4 post biż-żiemel Izir Josselyn bir-rebħa jeħodha il-Ġermaniż Michael Nimczyk filwaqt li fit-3 tiġrija ħareġ rebbieħ fuq iż-żiemel Oh Sama Cash fejn għalkemm kellu jiġri fil-mikxuf kważi d-distanza kollha r-rebħa kienet tidher waħda faċli. Fir-4 u l-aħħar tiġrija tal-ġurnata sfortunatament kien skwalifikat biż-żiemel Nectar RL u hawn rebbieħ kien l-Iżvediż Ulf Ohlsson.
L-impenji ta’ Rodney issa jkunu għada bi 3 tiġrijiet fil-korsa ta’ Tongres fejn jiġi deċiż ic-Champion il-ġdid tal-Ewropa.