Wara li kien għadu kif rebaħ żewġ midalji tal-bronż (wieħed mat-tim tas-subien u ieħor fil-kategorija tal-“All Events”), iż-żagħżugħ Malti ta’ 17-il sena Nicholas Muscat rebaħ midalja tal-fidda fil-kategorija tal-Masters għas-subien. B’hekk, huwa sar l-ewwel Malti biex qatt laħaq il-finali tal-EYC Masters. Muscat spiċċa fit-tieni post wara li tilef il-finali kontra l-aqwa bowler mill-EYC: ir-rebbieħ tal-EYC Masters, Singles, u tal-“All Events” – Robin Ilhammar mill-Isvezja.
Il-kategorija tal-Masters ikkonsista mill-aqwa 24 atleta fil-kampjonati skont il-logħob kollu li ntlagħbu fit-tliet kategoriji prinċipali – Singles, Doubles u tat-Tim. Dawn l-aqwa 24 imbagħad iddaħħlu f’turnament tan-knockout ibbażata fuq is-seeding ta’ kull plejer. Kull laqgħa diretta bejn żewġ atleti kienet ibbażata fuq tliet logħbiet: l-ewwel wieħed biex jirbaħ żewġ logħbiet jgħaddi. Il-Masters huwa meqjus bħala l-iktar kategorija prestiġjuża peress li tikkonsisti biss l-aqwa bowlers mill-Ewropa kollha.
Fost 26 federazzjonijiet nazzjonali u 93 mill-aqwa bowlers fl-Ewropa, 3/4 subien Maltin ikkwalifikaw għal din il-kategorija: Kayden Laganà (fit-23 post), Dwayne Zahra (fit-22 post), u Nicholas Muscat (fit-tielet post). Laganà u Zahra ġew eliminati fit-tieni rawnd minn ħamsa waqt li Muscat baqa’ għaddej sal-finali. Laganà ġie eliminat wara tlett logħbiet kontra r-rebbieħ eventwali – Robin Ilhammar mill-Isvezja, waqt li Zahra ġie eliminat f’żewġ logħbiet kontra t-tieni seed – ir-rebbieħ tal-midalja tal-bronż eventwali – Robin Noberg ukoll mill-Isvezja.
Wara li kellu BYE fl-ewwel rawnd ħabba s-seeding għoli tiegħu, Nicholas Muscat rebaħ lil Ondřej Prekop mir-Repubblika Ċeka (il-21 seed), is-seba’ seed mill-Italja – Mario Del Gaudio, u Robin Noberg – it-tieni seed mill-Isvezja, biex għadda sal-finali. Hemmhekk, Muscat sfortunatament tilef f’żewġ logħbiet kontra l-aqwa plejer f’dawn il-kampjonati tal-EYC.
Muscat lagħab b’punteġġ medju ta’ 205.5 fl-għaxar logħbiet li lagħab fil-Masters fir-rotta tiegħu bħala l-ewwel żagħżugħ Malti biex jirbaħ midalja individwali f’dawn il-kampjonati. Wara dil-ġimgħa, Muscat sar it-tieni individwu Malti li qatt rebaħ midalja individwali fl-istorja tal-EYC. Iż-żagħżugħa Sara Xuereb kienet l-ewwel persuna Maltija biex tikseb din il-kisba. B’dan ir-riżultat, Nicholas Muscat ikkonferma ruħu bħala wieħed mill-aqwa prospetti tal-bowling fl-Ewropa. F’dawn il-kampjonati, b’tliet midalji minn ħames kategoriji, il-membri tal-Malta Bowling Association urew li huma lesti jikkompetu fost l-aqwa federazzjonijiet tal-bowling fl-Ewropa.