F’dak meqjus bħala l-Accession Council, Karlu III b’mod uffiċjali ġie proklamat Re tar-Renju Unit.
Fil-Palazz ta’ San Ġakbu f’Londra, għal dan il-Kunsill storiku, attendew bosta kbarat, fosthom membri mill-familja Rjali, il-Prim Ministru Ingliż Liz Truss, eks Prim Ministru, politiċi, l-Arċisqof ta’ Canterbury u dak ta’ York.
Fl-ewwel parti tal-Kunsill, ġiet moqrija t-tħabbira tal-mewt tar-Reġina Eliżabbetta t-Tieni. Wara nqrat il-proklamazzjoni li biha, il-Prinċep Charles Philip Arthur George sar Karlu III.
Il-Proklamazzjoni ġiet imbagħad iffirmata minn membri tal-Accession Council, fosthom minn mart ir-Re, Camilla, mill-Prinċep William, mill-Prim Ministru Ingliż u oħrajn.
Il-President tal-Kunsill, Lord Penny Mordaunt ordnat sabiex il-proklamazzjoni tiġi moqrija f’Londra, Edinburgh, Cardiff u Belfast, dan filwaqt li jingħata s-salut permezz ta’ tiri f’Hyde Park u mit-Torri ta’ Londra.
Fit-tieni parti, il-Kunsill mexa għas-Sala tat-Tronn, fejn hemmek huma laqgħu u semgħu d-diskors tar-Re l-ġdid.