Analiżi ta’ statistika dwar is-suwiċidju ta’ dawn l-aħħar 11-il sena, turi kif f’Malta jseħħu medja ta’ żewġ suwiċidji fix-xahar.
L-analiżi, li saret mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, sabet kif l-età tal-vittmi tvarja bejn l-iżgħar taħt is-sittax-il sena għal persuni akbar minn 95 sena.
L-aktar etajiet komuni huma bejn l-40 u l-50 sena fejn 22% tal-vittmi huma barranin fil-waqt li 83% kienu rġiel. L-istess studju sab kif fuq kalkolu ta’ dawn l-aħħar seba’ snin, għal kull persuna li tilfet ħajjitha b’suwiċidju intilfu għoxrin sena ta’ ħidma produttiva.
Għal din is-sena, it-tema magħżula mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Jum Dinji tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, hija “Nieħdu azzjoni biex nibnu t-tama.”
Dan il-jum hu meqjus bħala wieħed importanti għax kull mewt permezz ta’ suwiċidju setgħet ġiet evitata, dan permezz ta’ żieda fl-għarfien fuq il-livelli kollha biex b’hekk wieħed ikun jista’ jagħraf dawn is-sitwazzjonijiet u tiġi offruta għajnuna meħtieġa biex jitnaqqas ir-riskju ta’ suwiċidju.
Fi stqarrija l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali qal kif kull persuna tista’ tgħaddi minn perjodu diffiċli fejn tikkunsidra s-suwiċidju, fejn il-prevenzjoni hi responsabbiltà ta’ kulħadd. Ġie innutat kif l-impenn għandu jingħata minn kulħadd sabiex issir bidla fil-mentalità fil-waqt li naċċettaw li s-suwiċidju huwa realtà biex b’hekk ngħinu nevitaw l-imwiet.
Persuni li huma għaddejjin minn mumenti diffiċli u qed jikkunsidraw is-suwiċidju, kif ukoll qraba li esperjenzaw il-mewt ta’ persuna minħabba s-suwiċidju jistgħu ifittxu l-għajnuna mingħand Suicide Prevention, Outreach and Therapeutic (SPOT) servizz jingħata b’appuntament 2122 8333 (Victim Support Malta), Supportline 179 (FSWS) u 1770 (Richmond Foundation).
Wieħed jista’ wkoll jidħol fuq chats b’mod anonimu fuq kellimni.com, Olli chat jew Krizi. Wieħed jista’ jitkellem mat-tabib tal-familja, jew fiċ-ċentru tas-saħħa jew billi jitkellem ma’ persuna tal-fiduċja tiegħu. Għall-ħaddiema taċ-ċivil wieħed jista’ jitlob għajnuna mill-Employee Support Programme (ESP).