Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena, Nicholas Muscat, ikompli jikteb l-istorja għal Tim Malta fl-EYC 2022 wara li rebaħ midalja tal-bronż fil-kategorija tal-“All Events”.
Kull bowler lagħab total ta’ 18-il logħba fi tliet kategoriji – Singles, Doubles, u tat-Tim. Dawn ġew amalgamati biex jiġu kkalkulati l-iskors totali ta’ kull individwu f’din il-kategorija tal-“All Events”. B’hekk, Muscat spiċċa bit-tielet ogħla punteġġ totali fost l-aqwa bowlers żgħażagħ fl-Ewropa. Muscat skurja skor medju ta’ 215.5 fuq 18-il logħba.
Din hija l-ewwel darba li żgħażugħ Malti rebaħ midalja f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża. Din ġrat biss jumejn wara li Tim Malta akkwista midalja għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dawn il-loghob; it-tim tas-subien rebħu midalja tal-bronż. Sara Xuereb kisbet żewġ midalji tal-bronż meta kienet żagħżugħa eliġibbli (U18) għal dawn il-logħob fl-2018 u fl-2019.
Hekk kif Muscat kiseb it-tielet post fil-kategorija tal-“All Events” (fost il-kompetituri kollha), huwa kkwalifika għall-kategorija tal-Masters, magħmula mill-aqwa 24 atlet. Fost l-atleti li qegħdin jirrapreżentaw lil Malta, Dwayne Zahra u Kayden Laganà wkoll għaddew għal fażi li jmiss wara li kkwalifikaw fit-22 u fit-23 post rispettivament. Nicolai Mallia huwa l-unika rappreżentant Malti li ma rnexxielux jgħaddi għal din il-fażi. Mallia, li għad għandu tnax-il sena, qed jirrappreżenta lil Malta għall-ewwel darba f’dawn il-logħob, u spiċċa fir-54 post b’skor medju ta’ 186.6.
B’hekk, Muscat, Zahra, u Laganà, għandhom l-opportunità li jiksbu midalja oħra fil-Masters f’nhar is-Sibt li ġej. Huma se jippruvaw ikomplu jibnu fuq is-suċċessi li ġa kisbu għal Tim Malta f’din l-edizzjoni tal-EYC.