Qatt mhu tard. Din hija t-tema ta’ attività li se ssir dwar it-tagħlim tul il-ħajja.
Fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fit-13 ta’ Settembru, bejn l-erbgħa u s-sebgħa ta’ filgħaxija, se ssir laqgħa informattiva għal nies maturi, għal nies tat-terza età, u għal dawk li huma interessati jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom, bl-għan li jiġi inkorraġit it-tagħlim tul il-ħajja.
Din il-wirja se tinkludi seba’ entitajiet edukattivi fosthom l-Università ta’ Malta, l-MCAST, l-ITS u l-Jobsplus.
Din hija l-ewwel inizjattiva tax-xorta tagħha li qed jorganizzaw il-kunsilli lokali fir-reġjun tal-Punent.
F’konferenza tal-aħbarijet, il-President tar-Reġjun esprima l-ferħ tiegħu li l-kunsilli lokali f’dan ir-reġjun għandhom din l-opportunità li jagħtu ċans lil persuni maturi jerġgħu jibdew l-edukazzjoni tagħhom u jiddeċiedu x’tip ta’ kors iridu jieħdu.
Qal, “L-attività – qatt mhu tard – se ssir nhar it-Tlieta fit-13 ta’ Settembru bejn l-erbgħa u s-sebgħa ta’ filgħaxija. Hawnhekk se jkollna diversi akkademiċi u istituzzjonijiet fejn se jispjegaw – kemm ’l-istudenti maturi kif ukoll ’l-istudenti tat-terza età – programmi edukattivi li jistgħu jieħdu tul is-sena d-dieħla kif ukoll xi skemi finanzjarji li ser ikun hemm.”
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li tat messaġġ b’saħħtu li ħadd m’għandu jaqta qalbu fejn tidħol l-edukazzjoni għax, fl-aħħar mill-aħħar, qatt mhu tard biex titgħallem.
Wieħed se jkun jista’ jattendi għal din il-laqgħa fiżikament jew inkella jipparteċipa mill-kumdità ta’ daru permezz tal-Facebook live.