27 sena ilu Dun Anġ Seychell, sacerdot twajjeb miż-Żejtun ħaseb biex jagħti daru, li flimkien ma’ ommu, missieru u ħutu, trabba fiha.
Barra li ta kull ma kellu lill-ewwel persuni li ġabar miegħu fid-dar, saħansitra ta wkoll il-privatezza tiegħu. Ried jagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Ried jagħti d-drittijiet u aktar opportunitajiet lin-nies vulnerabbli.
Ħaseb biex il-persuni b’diżabilità setgħu jibdew jgħixu ħajja iktar dinjituża, fi djar ta’ ambjent ta’ familja, imma wkoll fil-komunità.
Propju f’Jum il-Vitorja, fil-qalba taż-Żejtun, il-Fondazzjoni Nazareth inawgurat xogħol estensiv tar-rinovar ta’ Dar l-Arċipriet Degabriele, li fiha jgħixu għaxar persuni.
Barra minn hekk tqegħdet ukoll l-ewwel ġebla ta’ Dar San Franġisk fi Sqaq Vitor iż-Żejtun, li huwa maħsub li fit-tieni nofs tas-sena d-dieħla, tilqa fiha 13-il persuna oħra b’diżabilita.
Ma’ Dun Anġ Seychell tkellimna dwar it-tliet idjar fi ħdan il-Fondazzjoni Nazareth u kif din il-fondazzjoni stess evolviet. Tlabnih jgħidilna kif kien iddeċieda li 27 sena ilu jwaqqaf l-ewwel dar għall-persuni b’diżabilità, fi ħdan il-Fondazzjoni Nazareth.
Qal, ‘Fiż-Żejtun kellna kummisjoni li tieħu ħsieb il-persuni b’diżabilità, u f’ ħin minnhom iddeċidejt li mmur inżur lill-familji kollha, u hekk għamilt u indunajt li l-ġenituri jew dawk li jiġu minnhom kollha għandhom biża wieħed, min se jieħu ħsiebhom, wara li jmutu, dawk li jiġu minnhom. Għid mela din hemm bżonn li nagħmel jiena, għidt nagħmlu fondazzjoni biex dawn in-nies, jibqa’ jkollhom min jieħu ħsiebhom.’
Tkellimna mal-President tal-bord tal-Fondazzjoni Nazareth, l-Eċċellenza Tagħha, Il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, u tlabniha tgħidilna xi tfisser għaliha l-okkażżjoni tal-lum u t-triq ’il quddiem.
Qalet, ‘Din hija okkażjoni unika fejn Fondazzjoni Nazareth f’għeluq is-sebgħa u għoxrin sena tagħha qed tqiegħed l-ewwel ġebla tar-raba dar u r-rinovazzjoni ta’ dar oħra tagħha, għaldaqstant irrid nirringrazzja lil kull min ikkontribwixxa biex aħna naslu f’dan il-punt kif ukoll irrid nirringrazzja lil Dun Anġ Seychell tal-viżjoni enormi tiegħu, tal-viżjoni mimlija mħabba lejn il-persuni b’diżabilità biex nassiguraw li ntuhom id-dinjità.’
Dun Anġ Seychell spjega lil One News kif jara il-ġejjieni tal-Fondazzjoni Nazareth.
Qal, ‘Jien inħares lejn il-mexxejja li ħa jkunu għada. Jekk huma jibqgħu fidili, lejn l-ideat u l-ideali li aħna kellna, jien għandi qalbi qawwija illi l-Fondazzjoni tibqa għaddejja, il għaliex għad hawn bzonnha. Għad hawn nies li għandhom bżonn il-Fondazzjoni bħal tagħna.’