Bormla reġgħu kienu l-protagonisti tar-Regatta tal-Vitorja hekk rebħu ż-żewġ kategoriji f’regatta emozzjonanti fil-Port il-Kbir. Pero kienu kategoriji kumbattuti, bl-aħħar żewġ tiġrijiet ta’ kull kategorija ikunu determinanti. Il-bormliżi kellhom sfida mill-Isla li baqgħu viċin tagħhom sal-aħħar fil-klassiifka ġenerali.
Kategorija A bdiet mill-ewwel bl-emozzjonijiet hekk kif it-Tigrija tal-Midalji ġiet mirbuħa mill-Birgu permezz bil-qaddiefa Owen Zammit, Antoine Brignone, Wayne Xuereb u Sven Refalo. Ta’ nota l-fatt li din kienet l-ewwel darb mill-1985 li l-Birgu rebħu din it-tiġrija. Birgu li kienu f’taqtiegħa ħarxa mal-Isla li daħlu t-tieni u Bormla li spiċċaw it-tielet.
It-tieni tiġrija ta’ Kategorija A dik tal-Frejgatini rat lill-Kalkara joħorġu rebbieħa u jiksbu 12-il punt permezz tal-qaddiefa tagħhom Clyde Mizzi u Davison Micallef. Huma kellhom sfida minn Bormla li daħlu t-tieni filwaqt li l-Isla daħlu fit-tielet pożizzjoni.
Bormla iddominaw għall-kollox it-tielet tiġrija dik Ta’ bi Tnejn. Għal darb’oħra il-qaddiefa veterani ta’ din it-tiġrija Dennis Thornton u Clive Casha wrew il-qawwa tagħhom u żammu l-appuntament mar-rebħ. Għal Thornton u Casha din kienet id-dstax-il rebħa infila. Bir-rebħa tagħhom, il-bormliżi telgħu fl-ewwel post tal-klassifika ġenerali. Bormla kellhom vantaġġ qawwi fuq l-Isla li daħlu t-tieni u Marsamxett li daħlu fit-tielet post.
Kategorija A bdiet issir dejjem aktar interessanti hekk kif ir-raba’ tiġrija, dik tal-Kajjikki, offriet sfida sabiħa bejn L-Isla u Bormla. Żewġ opri li baqgħu telgħin ras imbras sal-aħħar biex finalment il-koppja fuq il-Kajjikk tal-Isla Christian Camilleri u Nigel Sant daħlu l-ewwel bi ftit vantaġġ fuq Maximillian Mamo u Roamario Brignone fuq il-Kajjikk ta’ Bormla. Birgu daħlu t-tielet. B’hekk fil-klassifika Bormla raw il-vantaġġ tagħhom fuq l-Isla jonqos għal żewġ punti biss biex l-aħħar tiġrija iddeċidiet ir-rebbieħ.
L-aħħar tiġrija, Ta’ b’Erbgħa, kienet waħda eċċitanti li rat lil Bormla u l-Isla f’taqtiegħa għall-ewwel post. Finalment kienet Bormla bil-qaddiefa Maximilian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton u Jurgen Camilleri li daħlet l-ewwel segwieta bi ftit mill-Isla. Birżebbuġa daħlu fit-tielet post.
Klassifika Finali (Kategorija A)
Bormla 66 punt
Isla 56 punt
Birgu 24 punt
Kalkara 12 -il punt
Birżebbuġa 8 punti
Marsamxett 6 punti
Bormla jirbħu wkoll Kategorija B
Bormla rebħu Kategoirja B f’taqtiegħa interessanti mal-Isla. Żewġ klabbs li sal-aħħar tiġrija kienu kważi ras imbras fl-ewwel pożizzjonijiet tal-klassiifka, bil-bormliżi jirbħu x-shield grazzi għal wirja tajba fl-aħħar tiġrija.
L-ewwel tiġrija ta’ Kategorija B dik tal-Pass b’żewġ imqadef ġiet mirbuħa minn Bormla permezz ta’ Charvon Gatt u Cleaven Falzon. Huma kienu segwieti rispettivament mill-Isla u l-Birgu.
It-tieni tiġrija kienet dik tal-Kajjikki li offriet dwell sabiħ bejn l-Isla u Birżebbuġa, b’dawn tal-aħħar pero jiġu skwalifikati. Finalment kienu s-sengleani li ħarġu rebbieħa permezz ta’ Cayvon Gatt u Ericsen Lia. Huma kienu segwieti rispettivament mill-Kalkara u Bormla.
Bormla iddominaw it-tielet tiġrija dik Tal-Midalji. Il-qaddiefa Dusty Cassar, Charvon Gatt, Cleaven Falzon u Yannick Pace kellhom dejjem kontroll assolut sabiex kisbu r-rebħa. Fit-tieni post daħlu l-Isla filwaqt li l-Birgu daħlu t-tielet.
Kategorija B saret aktar interessanti wara r-raba tiġrija dik tal-Frejgatini. Hawnhekk ħarġu rebbieħa l-Isla permezz tal-qaddiefa Owden Caruana Smith u Cayvon Gatt. Birżebbuġa daħlu t-tieni u l-Kalkara t-tielet. B’dan ir-riżultat l-Isla qabżu lil Bormla fl-ewwel post tal-klassiifka b’ 4 punti vantaġġ, bl-aħħar tiġrija tiddetermina r-rebbieħ tax-shield.
Bormla rebħu Kategorija B hekk kif kellhom wirja u rebħa tajba fl-aħħar tiġrija, dik Ta’ b’Erbgħa. Il-qaddiefa Elton Azzopardi, Charvon Gatt, Cleaven Falzon u Yannick Pace iddominaw u ħadu l-24 punt segwieiti mill-Birgu u mill-Kalkara rispettivament. Diżappunt għall-Isla li ma rnexxielhomx jiġbru punti minn din it-tiġrija.
Klassifika Finali (Kategorija B)
Bormla 68 punt
Isla 48 punt
Birgu 28 punt
Kalkara 20 punt
Birżebbuġa 8 punti
Birgu jirbħu x-Shield tan-Nisa
L-ewwel tiġrija fil-programm kienet dik tal-Frejgatini Nisa. Tiġrija li ġiet mirbuħa għal darb’oħra mill-Birgu permezz tal-qaddiefa Shazel Grima u Glyniss Mizzi . Fit-tieni post daħlu l-Isla u fit-tielet post il-Kalkara.