L-irwol tal-President tal-Parlament Ewropew huwa li jideriġi l-attivitajiet tal-Parlament, imexxi sessjonijiet plenarji u jiddikjara l-baġit li jkun finalment adottat.
Il-President maħtur jirrappreżenta l-Parlament fid-dinja ta’ barra u fir-relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet oħra Ewropej.
Tul il-jum, il-membri Parlamentari Ewropej se jeleġġu s-suċċessur ta’ Martin Schulz.
L-elezzjoni qed issir bħalissa għaliex il-Parlament Ewropew ikun elett għal ħames snin pero t-terminu fl-uffiċju għal President u viċi presidenti fost oħrajn jkun ta’ sentejn u nofs. Għaldaqstant, l-elezzjonijiet jsiru fil-bidu tat-terminu parlamentari u fin-nofs.
F’din l-elezzjoni, hemm b’kollox seba’ kandidati għall-ħatra ta’ President. Dawn huma Eleonora Forenza, Jean Lambert, Gianni Pittella, Laurenţiu Rebega, Helga Stevens, Antonio Tajani u Guy Verhofstadt.
Minn dawn, il-kandidat li jġib il-maġġoranza tal-voti mitfugħa, jiġifieri ħamsin fil-mija u wieħed ikun elett.