Illum, it-tmienja ta’ Settembru, pajjiżna qed ifakkar Jum il-Vitorja.
F’dan il-jum, pajjiżna jfakkar żewġ rebħiet importanti fl-istorja ta’ Malta.
Bħal-lum fl-1565, il-Kavallieri u l-Maltin rebħu fuq il-qawwa tal-Imperu Ottoman fl-Assedju l-Kbir.
Dan hekk kif waslet l-għajnuna mingħand ir-Re ta’ Sqallija u qawwiet oħra Ewropew, f’dak magħruf bħala l-Grande Soccorso.
Wara din il-ġrajja, it-Torok ħallew il-gżejjer Maltin wara tliet xhur ta’ ġlied kontinwu madwar pajjiżna.
Dan filwaqt li t-tieni assedju li għadda minnu pajjiżna kien dak tat-Tieni Gwerra Dinijija.
F’dan il-jum fl-1943, it-Taljani ċedew l-armi u kawża t’hekk waqaf il-bombardament mill-qawwiet tal-Assi f’din il-gwerra.
Din is-sena pajjiżna qed ifakkar il-mitt sena minndu l-Parlament Malti approva Jum il-Vitorja bħala l-ewwel festa nazzjonali.
F’dan il-jum tat-tmienja ta’ Settembru ssir ir-regatta tradizzjoni ta’ Jum il-Vitorja fil-Port il-Kbir, fejn se jieħdu sehem tmien timijiet. F’din l-edizzjoni ta’ Settembru għall-ewwel darba se jieħu sehem it-tim ta’ Siġġiewi.
Matul il-jum tal-Ħamis, il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa ta’ Marija Bambina. B’din il-festa hija ċċelebrata f’erba’ lokalitajiet; fosthom l-Isla, in-Naxxar, il-Mellieħa u x-Xagħra Għawdex.