Is-soltu karattri li bejniethom jiffurmaw l-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice, it-Tlieta filgħaxija ngħaqdu mal-establishment tal-Partit Nazzjonalista u nġabru qaqoċċa flimkien il-Belt biex jipprotestaw.
Huma mxew fi Triq ir-Repubblika fejn, bħalma kien il-każ fi protesti oħra simili, nies bħal Manuel Delia u Robert Aquilina, ħu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina, pinġew stampa mill-aktar negattiva ta’ pajjiżna.
B’konsistenza wkoll ma’ protesti oħrajn, ma naqasx li għal din il-protesta jattendu esponenti ewlenin tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista.
Fost dawk preżenti kien hemm il-Viċi Kap Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, li naqas milli jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista f’serata kommemorattiva ta’ Jum il-Vitorja li saret ftit passi biss ’il bogħod ftit qabel il-protesta.
Ftit xhur ilu, wara manuvri fil-Partit Nazzjonalista mit-tmexxija ta’ Bernard Grech, Perici Calascione tpoġġa fil-kariga numru tnejn tal-Partit Nazzjonalista.
Il-preżenza ta’ Perici Calascione għal din il-protesta kompliet tikkonferma l-qrubija li għandhom għaqdiet bħal Repubblika u Occupy Justice lejn il-Partit Nazzjonalista kif ukoll l-influwenza tagħhom fuq id-deċiżjonijiet li jieħu l-Partit.
Sorsi ta’ ONE News fi ħdan id-Dar Ċentrali, qalu li kienu bosta n-Nazzjonalisti li ħassewhom urtati bil-preżenza ta’ Perici Calascione f’din il-protesta. Is-sorsi qalilna li huwa ovvju li Perici Calascione kien hemmhekk ukoll f’isem il-Kap, Bernard Grech.
L-istess sorsi sostnew li t-tislima ta’ Bernard Grech lil ta’ Repubblika meta, l-Erbgħa filgħodu, ta intervista lir-radju tal-Partit Nazzjonalista, tkompli tikkonferma kemm il-Kap Nazzjonalista huwa mmexxi minnhom u mill-esponenti ewlenin li jiffurmaw it-tmexxija tagħhom.
Intant, flimkien ma’ Alex Perici Calascione, kien hemm ukoll membri ewlenin oħrajn tal-establishment li fl-aħħar snin kienu strumentali biex il-Partit Nazzjonalista jinfatam fi tnejn.
Fost l-oħrajn, kien hemm Mark Anthony Sammut, wieħed mill-ewlenin li ħadmu biex l-eks Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, jitqaċċat mit-tmun tal-Partit u minfloku jitpoġġa Bernard Grech.
Ma naqsitx ukoll il-preżenza ta’ Beppe Fenech Adami li, bħal Mark Anthony Sammut, huwa meqjus bħala wieħed mill-ewlenin fil-kampanja biex Bernard Grech tlaħħaq Kap.