Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet aktar miżuri sabiex tegħleb il-kriżi tal-enerġija li għaddejja minnha l-Ewropa.
Waħda mill-proposti tal-Kummissjoni hija dik ta’ limitu massimu għall-prezz tal-gass li ġej mir-Russja.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi limitu fuq id-dħul tal-kumpaniji li jipproduċu l-enerġija bi spejjeż baxxi. Meta ħabbret il-proposti, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li l-konsumaturi għandhom jibbenefikaw minn sorsi tal-enerġija rinovabbli u anki jgħinu lil dawk l-aktar li qed ibatu f’din il-kriżi.
Dan se jkun ukoll il-każ għall-kumpaniji tal-fjuwil fossili. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li dawn is-sorsi kollha tal-enerġija jridu jgħinu f’din il-kriżi.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi wkoll li l-kumpaniji tal-enerġija għandhom jiġu appoġġjati biex ilaħħqu ma’ din il-kriżi.
Miżura oħra li qed tipproponi l-Unjoni Ewropea hija dik ta’ mira obbligatorja għat-tnaqqis tal-użu tal-elettriku fis-sigħat meta l-aktar li tintuża l-enerġija; mużira li qed tissejjaħ bħala ‘Smart Savings of Electricity’.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li l-pajjiżi Ewropej għandhom riserva ta’ 82 fil-mija tal-gass, li qabżet il-mira li ffissat il-Kummissjoni.
Von der Leyen saħqet li, mill-bidu tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna sal-lum, l-Ewropa kważi nqagħtet mill-provvista tal-gass li ġejja mir-Russja.
Hija qalet, “And now the work of the last months really pays off because, at the beginning of the war, if you looked at the imported gas, 40 percent of it was Russian gas for a long time. Today, it is down to 9 percent only.”
Dawn il-miżuri mħabbra mill-Kummissjoni Ewropea se jiġu diskussi waqt il-laqgħa tal-Ministri tal-Enerġija tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea, li se ssir nhar il-Ġimgħa li ġej fi Brussell.