F’Awwissu, mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għaddew aktar minn 712,000 passiġġier.
Ħabbar dan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fi stqarrija hekk kif spjega li din kienet l-ewwel darba mill-2019, li nqabżet iċ-ċifra ta’ aktar minn 700,000 passiġġier.
Dan filwaqt li dan ifisser li f’Awwissu ġie rkuprat 87% tat-traffiku li għadda mill-mitjar Malti, qabel il-pandemija.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spjega wkoll kif f’Awwissu kien hemm ukoll irkupru ta’ aktar minn 84% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet operati minn u lejn Malta.
Fil-fatt, dak imsejjaħ bħala s-seat load factor, li jkejjel kemm minn dawn il-postijiet kienu mimlijin, ukoll laħaq l-ogħla livell ta’ kull żmien.
Dan laħaq 90.4%, jiġifieri żieda ta’ 2.4% meta mqabbel ma’ Awwissu tal-2019.
L-aktar jum impenjattiv f’termini ta’ movimenti tal-passiġġieri kien il-21 ta’ Awwissu. Wara dan il-jum beda jiġi osservat xi tnaqqis fis-seat load factors, hekk kif ix-xahar li huwa sinonimu mal-btajjel tas-sajf beda joqrob lejn tmiemu bil-mod.
F’terminu ta’ swieq, l-aktar swieq popolari f’Awwissu kienu l-Italja, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u Spanja.
Dawn flimkien, kienu responsabbli għal 67% tat-traffiku kollu ta’ Awwissu.
Madankollu, minkejja li r-Renju Unit u l-Ġermanja kienu fost l-aqwa ħamest iswieq tax-xahar, in-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw lejn u minn dawn iż-żewġ pajjiżi baqa’ ferm aktar baxx mil-livelli tal-2019.
Minn naħa l-oħra f’ħarsa lejn l-aqwa għaxart iswieq, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal kif f’Awwissu, l-Italja, Franza, il-Polonja, l-Isvizzera, il-Greċja u l-Awstrija, kollha rreġistraw livelli varji ta’ tkabbir fuq l-2019.
Is-suq Grieg kellu l-aktar rata ta’ tkabbir b’saħħitha ta’ 44%, li rriżultat minn skeda ta’ titjiriet operati minn żewġ linji tal-ajru lejn tliet ajruporti Griegi.
Bi tkabbir ta’ 34% fuq l-2019, is-suq Franċiż kellu t-tieni l-aktar żieda notevoli fin-numru ta’ passiġġiera. Ħames linji tal-ajru qegħdin joperaw titjiriet bejn Malta u disa’ ajruporti fi Franza bħala parti mill-iskeda tas-sajf tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.