Minkejja ċ-ċirkustanzi kkaġunati mis-sitwazzjoni internazzjonali, id-dejn tal-pajjiż mhux se jiżdied iżda se jibqa’ stabbli għal madwar 60 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.
Waqt laqgħa li kellu mal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD) bi tħejjija għall-Baġit li ġej, il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, ta din l-assigurazzjoni filwaqt li qal li l-Gvern se jibqa’ jagħti ċ-ċertezza dwar l-enerġija. Damn se jagħmlu mingħajr ma jdaħħal lill-pajjiż f’ħajt jew jagħti xokkijiet lill-ekonomija.
Filwaqt li rrimarka li l-għażla li ma jsir xejn mhix għażla vijabbli, il-Ministru Caruana qal li Malta ħadet l-aqwa deċiżjoni li setgħet tieħu meta ddeċidiet li tkun l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li ma tefax il-piż taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq il-familji u n-negozji. Fil-fatt, issa pajjżi oħra qed jaraw kif inaqqsu dan il-piż li tefgħu fuq iċ-ċittadini tagħhom.
Il-Ministru Caruana qal li s-saħħa ekonomika li jkollu l-pajjiż titkejjel fuq kemm ikollu dejn, li huwa indikatur ta’ x’jiflaħ jew ma jiflax pajjiż ekonomikament. Huwa afferma li pajjiżna għadu jiflaħ u għalhekk il-Gvern se jkompli jaħdem sabiex it-tkabbir ekonomiku li esperjenzajna wara l-pandemija nkomplu nesperjenzawh fiż-żmien ta’ wara l-isfida attwali tal-gwerra fl-Ukrajna.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.