F’sena, bejn Lulju tas-sena l-oħra u Lulju ta’ din is-sena, Malta rreġistrat żieda ta’ 9% fil-volum totali tal-bejgħ bl-imnut, li jfisser li kienet il-pajjiż tal-Unjoni Ewropea bit-tieni l-ogħla żieda f’dan il-perjodu. Dan ħabbru l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE, l-Eurostat.
B’kuntrast, fil-livell Ewropew, bejn Lulju 2021 u Lulju li għadda, il-volum totali tal-bejgħ bl-imnut niżel b’0.9% fiż-Żona tal-Ewro u b’0.5 fil-mija fl-UE kollha kemm hi.
Fost l-Istati membri li għalihom hija disponibbli d-dejta, hija biss is-Slovenja li rreġistrat volum ogħla minn ta’ Malta ta’ bejgħ bl-imnut, b’25%. Wara Malta hemm il-Polonja, b’7.6%.
L-aktar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li ġarrbu tnaqqis fil-bejgħ bl-imnut bejn Lulju 2021 u Lulju 2022 huma d-Danimarka (-7.7%), il-Lussemburgu (-6.3%), u l-Irlanda (-5.6%).
Intant, meta mqabbel ma’ Ġunju li għadda, f’Lulju li għadda Malta rreġistrat żieda ta’ 1 fil-mija fil-volum totali tal-bejgħ bl-imnut.
Fl-istess perjodu, xahar fuq xahar, iż-żieda fil-volum ta’ bejgħ bl-imnut irreġistrata kemm fiż-Żona tal-Ewro kif ukoll fl-UE kollha kemm hi, kienet ta’ 0.3%.