Ġiet inawgurata binja ġdida għall-uffiċini ġodda tal-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn.
Il-binja l-ġdida tinsab f’post aktar ċentrali sabiex tkun aktar aċċessibbli għal kulħadd, u apparti l-uffiċini tal-Kunsill Lokali, il-binja se tintuża wkoll mill-Ministeru għas-Saħħa, sabiex Wied il-Għajn ikollu wkoll klinika komunitarja.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Gvern Lokali, Owen Bonnici, fejn stqarr li din il-binja tagħti lir-residenti ta’ Marsaskala dak li jisħoqqilhom, permezz ta’ qabża fil-kwalità tas-servizzi kollha taħt saqaf wieħed f’bini ċentrali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli kkumentat dwar l-impenn u l-ħidma tal-Kunsill Lokali Skaliż. Hija qalet li permezz ta’ din il-binja, kull min jiġi fil-bżonn ta’ servizz mill-kunsill lokali, issa jista’ jiġi moqdi f’post aktar aċċessibbli għal kulħadd.
Intant, is-Sindku ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja qal li din il-binja kienet il-ħolma tal-kunsill għal numru ta’ snin, hekk kif għal żmien twil, persuni vulnerabbli ma kellhomx aċċess għall-bini amministrattiv antik.
Huwa tenna li l-kunsill ma jiddispjaċih xejn li nvesta f’dan il-bini sostenibbli għar-residenti Skaliżi.