Ingliż ta’ għoxrin sena li jgħix f’San Pawl il-Baħar se jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ allegat pussess u traffikar ta’ droga.
Huwa se jitressaq għall-ħabta tal-ħdax u kwart ta’ filgħodu.
Huwa ġie arrestat ilbieraħ mill-Pulizija tal-Komunità ta’ San Pawl il-Baħar għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu, waqt ronda tal-Pulizija. Waqt ir-ronda, l-Pulzija nnutaw vettura li dehret suspettuża, u wara ftit ħin isegwu l-vettura, din twaqqfet, u l-Pulizija talbu d-dettalji tax-xufier.
Hawn beda jaġixxi b’mod suspettuż, u għalhekk saret tfittxija fil-vettura, fejn allegatament instabu żewġ boroż mimlija b’sustanza suspettata kannabis. Wara aktar tfittxijiet fil-vettura nstabu wkoll miżien żgħir u numru ta’ boroż żgħar tal-plastik.
Wara tfittxija fir-residenza tiegħu instabu wkoll erba’ mobiles u ammont ta’ flus kontanti.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Yana Micallef Stafrace.