Studju ppubblikat dan l-aħħar, li sar minn esperti Ewropej fis-settur tal-enerġija sab li l-inqas prezz tal-enerġija fi żmien ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, huwa dak f’Malta.
Wara li l-prezzijiet ġew aġġustati għal munita komuni, b’dak imsejjaħ bħala l-Istandard tal-Kapaċità tal-Akkwist – bl-Ingliż, ‘Purchasing Power Standard’ – il-prezz tal-enerġija f’pajjiżna huwa ta’ tlettax u ħamsa u disgħin ċenteżmu.
Ir-rata medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hija iżjed mid-doppju.
Wara Malta, bl-orħos prezzijiet tal-enerġija jiġu l-Ungerija u l-Lussemburgu.
Fl-istess waqt, l-ogħla prezzijiet tal-enerġija fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qegħdin fir-Repubblika Ċeka, fl-Italja, fl-Estonja, u fid-Danimarka.
Għalkemm f’din il-kriżi internazzjonali, Malta mhijiex milquta direttament minħabba li ma timpurtax il-gass direttament mir-Russja, il-prezz tal-elettriku mixtri permezz tal-interconnector mill-kontinent Ewropew sploda ’l fuq.
Minkejja dan, il-familji Maltin u Għawdxin mhux qed iġorru l-piż, u l-kontijiet tad-dawl baqgħu stabbli.
Dan seħħ b’riżultat tal-għajnuna tal-Gvern, li qed jilqa’ għall-piż taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.
B’hekk, il-familji Maltin u Għawdxin qed jiffrankaw mill-inqas elf u seba’ mitt ewro fis-sena f’kontijiet tad-dawl, gass u fjuwils.
Ix-xahar li għadda, pajjiżna nnegozja b’suċċess deroga minn Regolament obbligatorju tal-Kummissjoni Ewropea biex l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea jnaqqsu sostanzjalment l-użu tagħhom tal-gass bi ħmistax fil-mija.
Din il-kriżi tal-enerġija qed twassal biex bliet madwar l-Ewropa qed jintfew kompletament sabiex inaqqsu l-konsum tal-elettriku.
Il-messaġġ huwa wieħed: sabiex kulħadd ikun responsabbli fil-konsum tal-elettriku, minħabba ż-żieda fil-prezz tal-enerġija u, apparti minn hekk, wieħed ikun qed jgħin biex jiġi mħares l-ambjent.