Ħames żgħażagħ li l-età tagħhom tvarja bejn dsatax u sitta u għoxrin sena ammettew fil-Qorti li kmieni s-Sibt filgħodu inqabdu f’attentat ta’ serqa minn imħażen fil-Marsa.
Neil Zammit ta’ 25 sena, Etienne Buttigieg ta’ 26 sena, Emman-Neil Galdes ta’ 24 sena, Kyle Micallef ta’ 20 sena u Owden Caruana Smith ta’ 19-il sena, ġew arrestati s-Sibt għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu waqt li kienu qed jippruvaw jisirqu minn imħażen fl-inħawi tal-Moll tal-Ħatab, il-Marsa.
Huma ġew arrestati mill-Pulizija tal-Rapid Intervention Unit wara informazzjoni li xi rġiel dehru jaġixxu b’mod suspettuż fl-inħawi.
Fi stqarrija tal-Pulizija qalet li l-imputati kienu liebsa skur u ngawnti filwaqt li l-Pulizija sabu marki friski ta’ sgass ma’ żewġ imħażen u kif ukoll żewġ bolt cutters kbar.
Aktar investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun rriżultaw li l-irġiel allegatament serqu mill-istess imħażen ftit tal-ġranet qabel.
Fil-Qorti huma ġew mixlija mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Andy Rotin li daħlu fl-imħażen bil-ħsieb li jwettqu serqa minnhom liema serqa ma saritx b’suċċess iżda li kieku seħħet kienet tkun serqa aggravata bil-valur tal-oġġetti misruqa. Huwa ġew mixlija wkoll li kkawżaw ħsara volontarja fuq propjetà għad-dannu ta’ terzi persuni.
Intant, Neil Zammit, Etienne Buttigieg u Emman-Neil Galdes weħidhom ġew akkużati wkoll li huma reċedivi fid-dawl ta’ każijiet preċendti mniżżla fuq il-fedina penali tagħhom.
Preżenti f’Awla Tmienja kien hemm diversi qraba tal-ħames akkużati waqt is-seduta li damet madwar sagħtejn.
Waqt l-eżami ilkoll ma ammettewx għall-akkużi miġjuba kontrihom, madanakollu huma biddlu fehmthom wara li s-seduta kienet sospiża għal madwar nofs siegħa.
B’hekk, hekk kif kompliet is-seduta il-ħames imputati ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom u huma ġew imwissija dwar l-ammissjoni tagħhom.
F’dan l-istadju l-ħames imputati għamlu talba għall-libertà kkundizzjonata.
Id-difiża għan-nom ta’ Kyle Micallef u Owden Caruana Smith argumentat li dan huwa l-ewwel każ tagħhom u li ħadu tagħlima b’dak li ġara u għadhom relattivament iżgħar mill-akkużati l-oħra.
Madanakollu, minkejja l-istess talba fil-konfront tat-tliet imputati l-oħra, ngħataw raġunijiet differenti.
Id-difiża għal Emman-Neil Galdes qalet li minkejja li huwa għandu każijiet preċedenti relatati mat-traffiku wera’ rimors u x-xewqa li jixtieq jaqbad it-triq it-tajba.
Fil-konfront ta’ Neil Zammit, l-avukat difensur innota li l-fedina penali hi li hi madanakollu l-liġi tista’ timponi kundizzjonijiet aktar ħorox li jirriflettu dan, filwaqt li għandha tieħu inkonsiderazzjoni l-ammissjoni bikrija tiegħu.
Għal Etienne Buttigieg, id-difiża qalet li minkejja l-fedina tiegħu jista’ jingħata ċ-ċans skont il-liġi mill-Qorti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia spjega lill-ħames imputat li lkoll għandhom każijiet differenti minn xulxin, b’hekk l-azzjonijiet tal-Qorti iridu jirriflettu dan b’rispett lejn il-liġi.
Għaldaqstant, Owden Caruana Smith, Kyle Micallef, Emman-Neil Galdes, u Etienne Buttigieg ġew illiberati b’diversi kundizzjonijiet sakemm tinqata’ s-sentenza fil-konfront tagħhom.
Huma ġew mitluba li jiffirmaw fl-eqreb għassa kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Sibt bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u s-sebgħa ta’ filgħaxija.
Dan filwaqt li kollha, għajr Kyle Micallef li jaħdem bħala xufier tat-Taxi ġew ordnati li jinġabru fir-residenza rispettiva tagħhom sat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija u ma jistgħux joħorġu qabel is-sitta ta’ filgħodu.
Huma ngħataw il-libertà kundizzjonata mingħajr depożitu iżda b’garanzija personali ta’ tlett’elef ewro.
Intant, Neil Zammit, minkejja li għamel l-istess talba, din ma ġietx milqugħa u b’hekk huwa nżamm arrestat.
Hawnhekk, il-Maġistrat spjega li l-fedina penali tiegħu kellha aktar minn għaxar każijiet preċedenti u għaldaqstant kibret b’mod konsiderevoli l-inaffidabbiltà tiegħu.
Il-każ mistenni li jkompli fid-29 ta’ Settembru.