Pass kbir ieħor ‘il quddiem għall-industrija tal-films Maltija. Hekk ġiet deskritta l-approvazzjoni min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar għal soundstage fl-istudios tal-films tal-Kalkara.
Il-bini se jilqa’ fih diversi attivitajiet marbutin mal-produzzjonijiet tal-films, u se ippermetti l-kostruzzjoni tas-sets fejn jinġibdu l-produzzjonijiet, kif ukoll ġibjun. Il-bini kollu se jkun soundproof.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li investimenti bħal dawn juru l-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ din l-industrija bil-fatti.
Qal li dan il-bini jfisser aktar karrieri ta’ kwalità għal dawk kollha mħajrin sabiex jaħdmu f’dan is-settur, u li l-ħolqien tal-opportunitajiet huwa proprju l-għan ta’ investimenti bħal dawn.
“Din għandha tkun l-aħħar għan ewlieni tagħna: dik li din l-industrija, li hija industrija ta’ klassi mondjali, tkun qed toħloq opportunitajiet, tattira l-produzzjonijiet minn barra minn Malta u, fuq kollox, inkomplu nkabbru t-talenti lokali li diġà għandna fost il-crews tagħna li issa se jkunu kapaċi jkomplu jitjiebu u jimirħu fil-karriera tagħhom fl-industrija tal-films.”
Intant, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li dawn l-aħħar snin ma kinux faċli għal din l-industrija, iżda minkejja dan, baqgħet reżiljenti.
Irrimarka li, wara sittin sena ta’ diskors dwar bini ta’ soundstage, issa fl-aħħar dan wasal. Qal ukoll li, minkejja l-isfidi kollha, l-industrija tal-films tinsab fl-aqwa stat tagħha.
“Is-suċċess tal-industrija tal-films jirrifletti l-ekonomija ta’ pajjiżna, ir-reżiljenza. Qatt daqs illum m’għandna nies jaħdmu f’din l-industrija. Qatt daqs illum ma kellna investiment f’das-settur mill-Gvern u mill-privat”