Nhar id-9 u l-10 ta’ Settembru se jitella’ l-Levant Gozo Music Fest fil-Heliport tax-Xewkija.
Ħabbar dan l-avveniment il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Huwa spjega li dan il-festival huwa parti minn sensiela ta’ avvenimenti oħra sabiex anke il-gżira tat-tliet għoljiet tibqa’ tkun attraenti għal turiżmu ta’ divertiment.
Żied jgħid li bħala Ministeru qed ikompli jaħdem sabiex it-turiżmu f’Għawdex jibqa’ għaddej anke fix-shoulder period, dan filwaqt li jsiru aktar attivitajiet ta’ kwalità kemm għal Għawdxin u anke għall-Maltin.
Charles Borg, wieħed mill-organizzaturi mill-Kumitat Ċentrali tax-Xewkija, qal li Levant Music Fest se jilħaq il-qofol tiegħu permezz tar-rebbieħ tal-Grammy Award, Imanbek, il-mużiċist ta’ 20 sena mill-Kazakhstan li għamel suċċess kbir fid-dinja mużikali.
F’dan il-festival se jieħdu sehem ukoll Tribali, The Travellers, Mae, Rubberband u Junior B.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-mużika biex jattendu dan il-festival miftuħ għal kulħadd mingħajr ħlas. Levant Music Fest huwa sponsorjat mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Dan il-festival ta’ mużika se jkun l-għeluq tal-istaġun sajfi għall-mużika f’Għawdex.