Fit-tnedija tal-kampanja INDAQS mill-fergħa taż-Żgħażagħ tal-Partit Laburista l-Prim Ministru, Robert Abela, qal li lkoll għandna nkunu kburin b’dak li kiseb pajjiżna fil-qasam tal-libertajiet ċivili.
Il-kampanja INDAQS imnedija minn Żgħażagħ Laburisti se tkun qed tikkomunika il-viżjoni ta’ din il-fergħa, għas-sentejn li ġejjin.
L-għan ta’ din il-kampanja huwa li twassal messaġġ ta’ ugwaljanza, filwaqt li tipprovdi ideat u proposti waqt diskussjonijiet li mistennija jittellgħu matul din il-kampanja.
Il-Mexxej Laburista nnota l-kisbiet ta’ pajjiżna li ilu s-snin ikun fuq quddiem nett f’dan il-qasam, filwaqt li aċċenna għall-għoti tad-demm bejn persuni gay, li issa m’għadux diskriminatorju.
Huwa semma’ wkoll iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u s-servizz tal-IVF b’xejn, fost l-oħrajn.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ġejjieni f’dan il-qasam fejn ta rendikont dwar il-ħidma li qed issir.
Huwa temm id-diskors tiegħu billi awgura li din il-kampanja tħalli l-frott, filwaqt li fetaħ il-bibien tiegħu għal aktar proposti u ideat mingħand iż-żgħażagħ.
Fl-intervent tiegħu, il-President ta’ Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja rrimarka, li bħala fergħa, laqa’ l-aħbar li persuni gay issa jistgħu jagħtu d-demm.
It-tnedija tal-kampanja issoktat b’diskussjoni minn diversi persuni li qassmu diversi esperjenzi bejniethom.
Fost dawk li tkellmu kien hemm Gabbie Calleja, attivista, li qassmet l-ewwel esperjenzi tagħha madwar għoxrin sena ilu u kif l-ewwel Pride March f’Malta kellha attendenza fqira, differenza kbira għal dak li naraw illum il-ġurnata.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista u Deputat Parlamentari, Randolph DeBattista tkellem dwar kummenti insensittivi li jistgħu jħallu lok għal vjolenza fuq persuni li jappertjenu din il-komunità.
Min-naħa tagħha, Amanda Cassai, persuna transgender u attivista, irrakontat stejjer personali tagħha li ħallew marka fuqha. Madanakollu qalet li bil-perseveranza li wieħed jitkellem f’isem min ikun qiegħed jiġi nsulentat b’mod malizzjuż biex jitnaqqsu dan it-tip ta’ każijiet.
Preżenti wkoll għal din it-tnedija kien hemm is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg u l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Cyrus Engerer.