Il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, wiegħed li l-Gvern se jibqa’ jieħu deċiżjonijiet ta’ prinċipju, ambizzjużi, u mingġajr tkaxkir tas-saqajn.
Waqt intervista mal-ġurnalist ta’ ONE News Stefan Bajada fuq One Radio dalgħodu, il-Prim MInistru qal li kien dan il-mod ta’ kif jaħdem dan il-Gvern li wassal għat-tkabbir ekonomiku qawwi li qed jesperjenza l-pajjiż.
Huwa qal li dawn in-numri pożittivi l-Gvern qed jittrasformahom fi kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies. Fakkar kif, meta kien hemm diffikultajiet, il-Gvern Nazzjonalista kien ħalla l-piż jaqa’ fuq in-nies. Illum, għall-kuntrarju, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni strateġika ta’ prinċipju biex il-Gvern jibqa’ jgħin lin-nies, Malta għandna t-tieni l-orħos prezz tal-enerġija fl-Ewropa.
Il-Prim Ministru ddeskriva l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern fejn jidħlu l-isfidi tal-prezzijiet tal-enerġija bħala aqwa mill-wage supplement li l-Gvern ta lin-nies waqt l-imxija. Fakkar li pajjiżi oħra qed jieħdu l-attitudni ta’ “is-suq isuq”, u dan qed iwassal biex il-piż jinxteħet fuq in-nies. Il-gvern se jibqa’ jaħdem biex, kemm jista’ jkun, jibqa’ jilqa’ għal dawn l-effetti biex ma jbatux in-nies.
Huwa qal li, minn dak li qed jisma’ fil-laqgħat li qed ikollu, in-nies qed japprezzaw li rnexxielu jkollna sajf ta’ normalità u qed japprezzaw ukoll il-miżuri li qed jieħu l-Gvern f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ sfidi internazzjonali biex jgħin lill-familji.
Il-Prim Ministru qal li huwa sodisfatt bl-irkupru qawwi tal-ekonomija wara l-pandemija. F’dan l-ambitu, il-Gvern kellu programm ambizzjuż li ta riżultati pożittivi. Fl-aħħar sitt xhur kellna tkabbir ekonimiku ta’ 8.5 fil-mija meta l-aqwa tbassir, dak tal-Kummissjoni Ewropea, kien ta’ 5 fil-mija. Din kienet l-aktar rata għolja ta’ tkabbir ekonomiku fl-UE kollha kemm hi; tkabbir li seħħ f’kull settur tal-ekonomija. “Din hija statistika li timliek b’ħafna kuraġġ,” qal il-Prim Miinistru.
Fakkar li, ftit aktar minn sena ilu, meta ħarġet id-deċiżjoni tal-FATF, l-Oppożizzjoni kienet qalet beżżgħet li s-setturi tal-Gaming kienu se jgħosfru. Minflok, komplew jikbru u kompew jissaħħu bis-saħħa tad-deċiżjonijiet tal-Gvern. Fil-frattemp, kumpaniji barranin oħrajn qed jibqgħu juru interess, u dan jimliema b’kuraġġ.
Dawn l-iżviluppi qed iwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar, b’qgħad fl-aktar livell baxx fl-istorja. Ma’ dawn jiżdiedu miżuri konkreti li ħa l-Gvern bħal dawk maħsubin biex isaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Huwa semma deċiżjoni li ħa l-Kabinett din il-ġimgħa, dwar il-kunċett ta’ start-up visas. L-idea warajh hi li nattiraw lejn pajjiżna żgħażagħ li jkollhom ħolma ta’ negozju ġdid. F’pajjiżna diġà nagħtu diversi inċentivi biex ninċentiaw l-istart-ups, iżda b’dan il-kunċett ġdid se nkunu qed nattiraw lejn Malta aktar żgħażagħ. Il-benefiċċji jkunu li nkomplu nkabbru l-ekonomija u li nkomplu nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar għal kull min jgħix f’pajjiżna.
Qal ukoll li l-Gvern se jibqa’ jaħdem fuq il-ħolqien mhux biss tax-xogħol imma ta’ aktar karrieri ta’ kwalità. Malta trid ukoll tkun fuq quddiem biex ikollha l-vantaġġ kompetittiv biex tattira impriżi ġodda, inklużi dawk li jridu jirrilokaw jew jespandu minn pajjiżi oħra.
Robert Abela għamilha ċara li se jibqa’ jiltaqa’ man-nies biex iħoss il-polz tal-poplu; biex jisma’ dak li għandhom xi jgħidu n-nies dwar fejn il-Gvern sejjer tajjeb u fejn jista’ jmur aħjar.
Filwaqt li saħaq li dan il-Gvern ma jkunx qrib in-nies biss meta tkun ġejja l-elezzjoni, qal li dak li qed jisma’ mingħand in-nies se jissarraf f’aktar miżuri għall-ġid komuni, inkluż fil-Baġit li ġej.