Il-Ġimgħa filgħodu s-sewwieq taż-żwiemel tat-trott Paul Galea telaq lejn ir-Rumanija sabiex jirrappreżenta lil Malta fit-tielet tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed li se ssir fil-korsa ta’ Mangalia nhar il-Ħadd waranofsinhar.
Galea kien irrappreżenta lil pajjiżna fl-ewwel tappa li saret Malta fejn dakinhar kien spiċċa fit-tielet post. It-tiġrija tal-Ħadd se tkun bejn sitt ġerrejja li ġejjin mill-Italja, Serbja, Franza, l-Ungerija, r-Rumanija u Malta. Ħa jsuq iż-żiemel ta’ 4 snin Cono San li se jinżel apposta mill-Ungerija u se jkollu n-numru 5 wara l-karozza tat-tluq. Infakkru li l-ewwel żewġ tapep intrebħu minn Franza u l-Italja.
Paul Galea huwa akkumpanjat mir-rappreżentant tas-sidien fi ħdan il-Malta Racing Club Mario Baldacchino.