L-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent qed tinvestiga numru ta’ lmenti minn residenti fin-naħat ta’ Lourdes u Għajn Dwieli f’Raħal Ġdid, dwar irwejjaħ tant qawwijin li r-residenti qed ikollhom iżommu t-twieqi tagħhom magħluqin.
Ir-residenti ddeskrivew ir-riħa bħala simili għal dik ta’ ikel immuffat, u huma jaħsbu li ġejja minn inċineratur li jinsab fil-viċinanza.
L-investigazzjoni bdiet wara li d-deputata Laburista, Amanda Spiteri Grech, wasslet l-ilmenti tar-residenti għand l-Awtorità.
Fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, Amanda Spiteri Grech qalet li se tkompli ssegwi dan il-każ sakemm jiġi solvut, u saħqet li l-kwalità tal-ħajja tan-nies tibqa’ l-prijorità.
L-Awtorità kkonfermat li qed tinvestiga dan il-każ.