Il-Viċi President tal-Arġentina ħelsitha ħafif wara li raġel ppunta arma tan-nar lejha, kien se jisparalha imma għal xi raġuni stramba l-pistola ma ħaditx.
Cristina Fernandez De Kirchner kienet qed issellem lin-nies barra d-dar tagħha meta raġel ħareġ mill-folla u ppontalha pistola ma’ wiċċha.
Il-pulizija identifikat lir-raġel, Brażiljan ta’ 35 sena u bħalissa qiegħed jinżamm arrestat. Il-pulizija qed jippruvaw jistabilixxu l-mottiv wara dan l-assassinju.
Waqt indirizz lin-nazzjon il-Ħamis filgħaxija, il-President Alberto Fernandez spjega li l-pistola kien fiha ħames balal u qal li Cristina għadha ħajja għaliex għal xi raġuni teknika l-pistola ma sparatx. Huwa kkundanna dan l-attak u tenna li dan l-attentat fuq il-ħajja tas-Sinjura De Kirchner huwa wieħed mill-iktar inċidenti serji minn meta l-pajjiż mar lura għad-demokrazija fl-1983.
Filmati li qed iduru fuq il-midja soċjali juru lir-raġel jimmira l-pistola ma’ ras il-Viċi President u jidher li pprova jispara.
Fl-aħħar ftit jiem mijiet ta’ nies bdew jinġabru quddiem id-dar ta’ Cristina Fernandez b’sens ta’ appoġġ wara li qed tiġi akkużata fuq każ ta’ korruzzjoni li jmur lura għall-2015. Jekk hija tinstab ħatja, tista’ teħel sa massimu ta’ tnax-il sena ħabs.
Dak il-ħin tal-assassinju, kienet għadha kif ġejja mill-Qorti fejn ċaħdet l-akkużi miġjuba kontriha.