Għar-Regatta tal-Vitorja Birżebbuġa kważi kkonfermaw il-crew li kellhom f’Marzu li għadda, bil-mira tkun dik li jirbħu ammont ta’ paljijiet. Huma se jkunu qed jiffukaw fuq Kategorija A fejn se jieħdu sehem fit-tiġrijiet kollha. F’Kategorija B se jieħdu sehem f’żewġ tiġrijiet biss. Inċidentalment sentejn ilu fl-aħħar edizzjoni tar-Regatta tal-Vitorja kienu rebħu x-shield ta’ Kategorija B.
F’Kategorija A, il-crew tal-Midalji se jkun kompost mill-qaddiefa Dirk Attard, Redeemer Żammit, Adrian Schembri u Sean Schembri.
Ft-tiġrija tal-Frejgatini se jieħdu sehem l-aħwa Steven u Matthew Dalli li ġew imtella’ minn Kategorija B. Filfatt din se tkun l-uniku bidla fit-team ta’ Birżebbuġa paragunat ma’ Marzu.
F’Ta’ bi Tnejn insibu lill-qaddiefa Adrian Schembri u Redeemer Żammit.
Il-crew tal-Kajjikki huwa ffurmat minn Kensley Ciantar u Spiridione D’Amato.
Fit-tiġrija Ta’ b’Erbgħa hemm l-istess crew li se jieħu sehem fit-tiġrija Tal-Midalji, jiġifieri Dirk Attard, Redeemer Żammit, Adrian Schembri u Sean Schembri.
Iż-żewġ tiġrijiet li se jikkompetu fihom f’Kategorija B huma tal-Frejgatini u tal-Kajjikki fejn il-qaddiefa se jkunu l-istess, Damian Attard u Mel Magro.
Mil-lat ta’ proġetti, il-klabb ta’ Birżebbuġa, fil-ġimgħat li ġejjien se jkun qed ilesti x-xogħol li qed isir fil-gym il-ġdid fil-maħżen li jinsab il-Port il-Kbir. Dan se jkun qed jgħin fit-taħriġ tal-qaddiefa.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja se ssir nhar il-Ħamis 8 ta’ Settembru fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija mistennija tibda fis-13.00.