Dan ix-xahar se jsiru għadd ta’ attivitajiet f’Għawdex bħala parti mill-kalendarju kulturali Għawdxi li sar sinonimu ma’ dawk kollha li jżuru l-gżira tat-tliet għoljiet.
L-attivitajiet se jiftħu l-Ġimgħa 2 ta’ Settembru, fil-Pjazza tal-Qala, fejn se ssir lejla tal-mużika bl-isem ta’ ‘House of Blues’, filwaqt li fid-9 u fl-10 ta’ Settembru se jsir l-ewwel festival mużikali mifrux fuq jumejn.
Fil-11 ta’ Settembru, l-għaqda nar u armar ta’ Santa Luċija se torganizza ‘Family Funderland’ b’attivitajiet għall-familja kollha, speċjalment għat-tfal.
Fit-12 ta’ Settembru, fl-Imġarr Marina se ssir is-7 edizzjoni ta’ ‘Stage and Proms on the Sea’, kunċert spettakolari minn The Gozo Wind Band.
Fis-16 ta’ Settembru se jsir il-‘Fontana Wine Festival’ organizzat mill-Kummissjoni Żgħażagħ Fontana, filwaqt li fis-17 ta’ Settembru se jkun hemm il-Wine, Olive Oil, and Honey Festival.
Fl-aħħar u mhux l-inqas, fit-22 ta’ Settembru, fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex, wieħed se jkun jista’ jgawdi vjaġġ nostalġiku mużikali, b’kanzunetti Maltin u barranin mis-snin sebgħin sa issa, bis-sehem ta’ kantanti Għawdxin.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li l-għajnuna finanzjarja li tingħata mill-Gvern isservi biex il-kalendarju kulturali jkompli jissaħħaħ b’aktar attivitajiet li jkomplu jattiraw lejn Għawdex lill-Maltin u t-turisti matul is-sena kollha.
“Bl-input tagħna, flimkien ma’ diversi kunsilli lokali, ma’ diversi NGOs, se ntellgħu numru sostanzjali ta’ attivitajiet tul ix-xahar kollu ta’ Settembru sabiex nagħtu l-isbaħ esperjenza lil dawk kollha li jżuruna u, aktar minn hekk ukoll, inkunu qegħdin nifirxu l-attivitajiet ma’ diversi rħula madwar Għawdex sabiex mhux biss dak li jkun igawdi minn dawn l-events imma jiskopri partijiet oħrajn minn din il-gżira.”