Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana ħatar żewġ Segretarji Permanenti ġodda u Segretarju tal-Kabinett, wara li dawn in-nomini ġew approvati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Is-Sur Jonathan Vassallo ġie appuntat Segretarju Permanenti responsabbli mill-Fondi Ewropej, fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet. Hu għandu diversi snin ta’ esperjenza f’dan il-qasam u serva fl-istess Ministeru bħala Direttur Ġenerali.
Is-Sur Godwin Mifsud inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. Għal dawn l-aħħar 12-il sena s-Sur Mifsud serva bħala Direttur u Direttur Ġenerali fuq riċerka u policies ekonomiċi.
Tħabbar ukoll li s-Sur Ryan Spagnol se jkun qed jaqdi r-rwol ta’ Segretarju tal-Kabinett. Is-Sur Spagnol iggradwa mill-Università ta’ Malta b’Masters fil-Public Policy, u għandu snin ta’ esperjenza fil-qasam tal-intern u s-sigurtà nazzjonali.