Bħalissa, hawn iżjed minn 1,730 organizzazzjoni volontarja reġistrata mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji.
Qal dan il-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji, Jesmond Saliba, f’intervista li għamel ma’ dan l-istazzjon f’għeluq l-ewwel sena ta’ ħidma tiegħu. Huwa kien inħatar biex jokkupa din il-kariġa b’vot unanimu mill-Parlament,.
Jesmond Saliba spjega li, matul din is-sena, ħadem biex jifhem l-operat tal-għaqdiet volontarji, biex kemm jista’ jkun jinġabru ideat differenti.
Qal li din is-sena tnieda wieħed mill-aktar eżerċizzji ta’ konsultazzjoni estensivi, li permezz tiegħu l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ kważi mija u sebgħin organizzazzjoni volontarja biex tifhem id-diversi sfidi li jiffaċċjaw.
L-iskop kien li dawn l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jwettqu l-missjonijiet importanti tagħhom filwaqt li jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż.
“Is-settur huwa pilastru importanti fl-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ pajjiżna. Għadna elf, seba’ mija u tmenin għaqda, minn kategoriji differenti. Għandek madwar tliet mija u sitta u sittin għaqda fl-isport, għandek madwar tliet mija u sebgħin fil-qasam tal-kultura u l-arti. Dawk b’xi mod jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż.”
Jesmond Saliba qal li daqt tasal fi tmiemha l-ewwel fażi tar-riforma għas-settur tal-volontarjat.
Permezz ta’ dawn ir-riformi, se titfassal leġiżlazzjoni ġdida rigward is- settur tal-volontarjat, sabiex dawn l-organizzazzjonijiet jissaħħu filwaqt li tiġi rregolata l-ħidma tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
“Ninsabu qrib li nagħlqu l-ewwel fażi ta’ din il-konvenzjoni, li kienet li nitkellmu, nifhmu, u nifhmu x’inhuma l-aspetti varji li għandhom jiġu indirizzati. Fil-jiem li ġejjin se nkunu qed nibdew it-tieni fażi ta’ din il-konvenzjoni, li se jgħaqqdu flimkien żewġ aspetti ta’ konsultazzjoni li għandhom iwasslu għal bidliet fil-qafas legali, li jħarsuh u jsaħħuh”.
Jesmond Saliba spjega li l-Kummissjoni se tibqa’ tkun ta’ għajnuna għall-għaqdiet volontarji billi toffri għajnuna lill-għaqdiet li jkunu għadhom kemm bdew filwaqt li toffri wkoll għajnuna biex l-għaqdiet jifhmu l-irwol tagħhom fis-soċjetà.