Il-klabb ta’ Marsamxett jinsab imħejji għar-Regatta tal-Vitorja hekk mistenni jisfida sew f’Kategorija A, kategorija li se jkun qed jikkompeti f’kull tiġrija.
Huma saħħew it-team tagħhom bl-akkwist ta’ Jan Tanti, b’self mingħand Siġġiewi filwaqt li Charles Gauci irregistra mal-klabb belti.
L-għan tal-klabb hu li joffri sfida f’kull tiġrija bir-rebħ ta’ bosta paljijiet.
Fit-tiġrija klassika tal-Midalji, Marsamxett għandhom crew kompost mill-qaddiefa Jan Tanti, Charles Gauci, Nathan Bonello u Xylon Gauci.
Crew ta’ esperjenza fil-Frejgatina li se jkollha lill-veterani Gino Viacava u Laurence Ciantar, b’dan tal-aħħar se jkun qed jagħmel ir-ritorn.
Fit-tiġrija Ta’ bi Tnejn se jkun hemm Juan Farrugia u Peter Cremona.
Fil-Kajjik se jieħdu sehem Shylon Guaci u Nathan Bonello.
U fl-aħħar tiġrija, dik Ta’ b’Erbgħa, il-crew se jkun kompost minn Juan Farrugia, Peter Cremona, Shylon Guaci u Nathan Bonello.
F’Kategorija B, Marsamxett se jikkompetu f’żewġ tiġrijiet, fil-Frejgatina u l-Kajjik. Il-crew tal-Frejgatina hu l-istess wieħed ta’ Kategorija A, jiġifieri Gino Viacava u Laurence Ciantar. Fil-Kajjik se jikkompetu Wayne Muscat u Rashvin Micallef Gouder.
Dan kollu juri li minkejja li mhux qed jara kbir, il-klabb belti se jkun ta’ sfida għal kulħadd u jista’ jagħti xkiel lil distretti oħra fit-tentattiv li jirbħu x-shield.
Il-preparazzjoni ilha li bdiet, biss il-klabb se jkun qed jippreżenta lill-qaddiefa f’attivita’ speċjali li se ssir il-Ħamis 1 ta’ Settembru fis-Suq tal-Belt fil-5 ta’ filgħaxija.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja se ssir nhar il-Ħamis 8 ta’ Settembru fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija mistennija tibda fis-13.00.