It-temperaturi baxxi fl-Ewropa diġa ħallew madwar 20 persuna mejta, iżda l-kesħa xxoqq il-għadam qed taffettwa ukoll l-annimali li m’għandhomx saqaf fuq rashom.
Huwa għalhekk li volontiera qed jużaw il-ħin tagħhom biex jipprovdulhom saqaf fuq rashom fit-Turkija. Kumpless tal-ħwienet fetaħ il-bibien tiegħu għal dawn l-annimali biex ikunu jistgħu joqogħdu għas-sħana u ma jmutux fil-kesħa ta’ barra.
Huma bosta li qed jixtru ikel u affarijiet oħra bħal kutri biex iżommu lil dawn il-klieb sħan kemm jista’ jkun. Dawn in-nies qed jagħmlu dan b’inizjattiva tagħhom u b’dan il-ġest qed isalvawhom minn ħalq il-mewt.
Dawn il-klieb, għall-ewwel darba qed iħossu l-imħabba tal-bniedem u qed jingħataw l-attenzjoni li tixraqilhom.
Ħwienet oħra fl-Istanbul ukoll fetħu l-bibien tagħhom biex l-annimali jkunu jistgħu jidħlu jistkennu hemm.