Kompla jinstema’ l-każ tal-kappillan ta’ Marsaxlokk, Luke Seguna, li huwa mixli b’miżapproprijazzjoni ta’ fondi u ħasil ta’ flus. Il-Qorti semgħat lil diversi xhieda u ddeċidiet li hemm biżżejjed provi biex Seguna jitpoġġa’ taħt att ta’ akkuża.
Fost ix-xhieda kien hemm tliet persuni li biegħu żewġ karozzi u mutur lil Seguna, flimkien ma’ raġel li biegħlu garaxx f’Raħal Ġdid.
Apparti minn hekk, xehdet ukoll mara minn Marsaxlokk li għamlet donazzjoni ta’ mija u għoxrin ewro lil Seguna. Hija tkellmet ukoll dwar ċekk ieħor li tatu fl-elfejn u sbatax, li kien miktub għall-parroċċa ta’ Marsaxlokk.
Hija qalet li tat dak iċ-ċekk sabiex isir xi xogħol fil-knisja, u li fdat lil Seguna bi flusha. Żiedet tgħid li, wara li tat il-flus, setgħet tara b’għajnejha x-xogħol ta’ restawr li sar fil-kampnar tal-knisja.
Raġel ieħor li kien joqgħod Marsaxlokk xehed li darba kien ra lil Seguna b’żewġ basktijiet tqal, iżda Seguna qallu li l-basktijiet ma kienx fihom ix-xirja għalih innifsu. Ix-xhud qal li Seguna probabbilment kien qed iqassam ix-xirja għand familji fil-bżonn tard fil-ġurnata sabiex ma jiġbidx ħafna attenzjoni.
Residenta oħra minn Marsaxlokk qalet li kienet tagħti d-donazzjonijiet lil Seguna, u meta kien jgħaddiha għall-uffiċċju, hi kienet tgħidlu li l-flus kienu għalih.
Id-Difiża, immexxija mill-avukat Josè Herrera, qalet li m’hemm l-ebda evidenza kontra Seguna fuq l-erba’ akkużi li huwa mixli bihom.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat, u l-Qorti qablet mal-Prosekuzzjoni u poġġiet lil Seguna taħt att ta’ akkuża.