Bdew jinstemgħu ix-xhud fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Judith Bakoush, Morat Abdikadir Mohammed Naswan, u Joseph Borg li huma mixlija bi traffikar ta’ droga.
Fil-Qorti tela’ jixhed l-Ispettur Kevin Pulis li spjega kif aktar kmieni din is-sena, il-Pulizija daħlitilha informazzjoni li f’dar fil-Belt Valletta, kien hemm attivitajiet ta’ traffikar ta’ droga u anke użura.
Intqal kif waqt ir-rejd li sar fit-tlieta u għoxrin t’Awwissu, il-Pulizija minn diversi dipartimenti kellha bżonn għodda speċjali sabiex jiftħu l-bibien u t-twieqi ,hek kif dawn kienu mbarrati bil-ħadid.
L-ispettur spjega kif fid-dar instabu żewġ safes b’ammont sinifikanti ta’ flus u deheb.
Waqt l-osservazzjoni tal-Pulizija qabel ir-rejd, ġew innutati numru ta’ persuni magħrufin mal-Pulizija jidħlu fid-dar u joħorġu wara ftit minuti. L-Ispettur qal ukoll li ġie arrestat ċertu Joseph Debono magħruf bħala l-Makari, li mal-Pulizija stqarr kif kien jieħu d-droga mingħand l-imputati biex ibiegħha, u minflok flus jitħallas bid-droga għall-konsum tiegħu.
L-Ispettur Pulis qal ukoll li meta l-Pulizija daħlu fir-residenza fil-Belt Valletta, kien hemm tifel ta’ seba’ snin li rawh jipprova jitfa’ d-droga f’rokna ta’ kamra.
Fil-Qorti, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wissiet lil-Bakoush, hekk kif hija dehret tidħaq fl-awla, fejn qaltilha li jekk tkompli sejra kif inhi sejra, il-proċeduri kriminali se jkomplu mingħajrha.
Intant, l-Ispettur Mark Anthony Mercieca qal li l-Pulizija sabu lit-tifel fir-residenza fuq sodda, fejn taħtu kien hemm numru ta’ qratas u sustanza kannella.