Tard it-Tlieta filgħaxija tħabbret il-mewt tal-aħħar President tal-Unjoni Sovjetika, Mikhail Gorbachev fl-eta ta’ 91 sena.
Gorbachev mexxa l-Unjoni Sovjetika bejn l-1988 u l-1991, u kien taħt it-tmexxija tiegħu fejn seħħ il-kollass tal-Unjoni Sovjetika, fi żvilupp li temm il-gwerra bierda, bejn żewġ superpotenzi; ir-Russja u l-Istati Uniti.
Gorbachev kien imexxi l-Partit Komunista Russu għall-iżjed minn sitt snin, bejn Marzu 1985 u Awwissu 1991.
Fil-bidu ta’ Diċembru tal-1989, Gorbachev kien żar Malta għal summit flimkien mal-President tal-Istati Uniti, George H. W. Bush. Dan is-summit jibqa’ mfakkar hekk kif iż-żewġ pajjiżi superpotenzi ltaqgħu f’Malta bħala pajjiż newtrali f’nofs il-Mediterran, fejn kienet pass ieħor ‘il quddiem sabiex tintemm il-gwerra bierda.
Skont aġenziji tal-midja internazzjonali qed jiġi rrappurtat li l-eks President tal-Unjoni Sovjetika miet ġewwa l-isptar, hekk kif kien ilu marid għal dan l-aħħar żmien.
Min kien Mikhail Gorbachev?
Mikhail Gorbachev twieled fit-2 ta’ Marzu tal-1931, f’familja relattivament fqira.
Fi tfulitu, Gorbachev ra lil missieru jmur jiġġieled fit-Tieni Gwerra Dinjija u ma setax jattendi l-iskola minħabba li kienet magħluqa.
Sena wara l-gwerra, ingħaqad mal-fergħa taż-żgħażagħ Komunista, fejn eventwalment sar il-mexxej tal-grupp tal-lokal u wara ġie elett fil-kumitat reġjonali ta’ din l-istess fergħa, magħrufa bħala Komsomol.
Kien fis-sena 1950, meta Mikhail Gorbachev beda jistudja l-liġi fl-Universita ta’ Moska.
Dak iż-żmien, huwa sar membru attiv tal-Partit Komunista Russu.
Mikhail Gorbachev kien miżżewweġ lil Raisa, fejn iżżewġu fl-1953.
Fiż-żmien ta’ wara, Mikhail Gorbachev mexa diversi passi ’l fuq fil-Partit Komunista, l-unika partit fl-Unjoni Sovjetika.
Imbagħad fl-eta ta’ 54 sena, Gorbachev sar Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista, il-kariġa li permezz tagħha mexxa kemm il-partit innifsu, kif ukoll l-Unjoni Sovjetika.
Huwa kien fost l-iżgħar membri fil-Politburo, il-grupp tat-tmexxija tal-Partit Komunista Russu.
Fit-tmexxija huwa introduċa l-politika ta’ ’glasnost’, li tfisser tiftaħ. Dan hekk kif iċ-ċittadini setgħu jikkritikaw lill-gvern, bil-kontra li kien jiġri taħt il-predeċessuri ta’ Gorbachev.
Mikhail Gorbachev jibqa’ magħruf bħala l-arkitettur tar-riformi fl-Unjoni Sovjetika, li wassal biex intemmet il-Gwerra Bierda.
Fl-1990, l-eks President tal-Unjoni Sovjetika ngħata l-Premju Nobel għall-Paċi, minħabba l-isforzi tiegħu sabiex ġab il-paċi fid-dinja.
Fost dawk li sellmu l-memorja tal-eks President tal-Unjoni Sovjetika, hemm il-President Russu Vladimir Putin.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela sellem il-memorja tal-eks President tal-Unjoni Sovjetika, Mikhail Gorbachev.
Dan permezz ta’ kitba fuq Twitter, wara li t-Tlieta filgħaxija tħabbret il-mewt tal-aħħar mexxej tal-Unjoni Sovjetika.
F’din il-kitba, Dr Abela nnota li ħadd mhu se jinsa li kien f’Malta, li sar is-summit bejn il-President tal-Unjoni Sovjetika, Mikhail Gorbachev u l-President Amerikan, George H. W. Bush, li permezz tiegħu wassal biex intemmet il-Gwerra Bierda.
Il-Prim Ministru nnota kif wara dan is-summit f’Malta, li sar f’Diċembru tal-1989, beda perjodu ta’ Ewropa ħielsa.
Intant il-President George Vella sellem il-memorja ta’ Gorbachev permezz ta’ tweet fuq Twitter.