Sarkofagu tal-ġebel ta’ Żmien il-Feniċi li ġie skavat is-sena li għaddiet f’Għajn il-Klieb, fil-limiti tar-Rabat, huwa fost l-attrazzjonijiet ewlenin f’wirja fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta.
Saru diversi riċerki bir-reqqa minn tim magħmul minn diversi speċjalisti, bl-għan ewlieni jkun li jsir studju fuq is-sarkofagu u żewġ oqbra oħra misjuba fl-qrib. It-tliet oqbra jixħtu dawl fuq ir-ritwali tad-dfin tal-ewwel Feniċi li għexu f’Malta.
Sarkofagi huma twiebet tal-ġebel jew tal-fuħħar li huma rari fl-arkeoloġija Maltija. L-aħħar sarkofagu li nstab qabel dan kien ’il fuq minn 300 sena ilu.
L-entitajiet involuti kienu s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, il-Heritage Malta, u d-Dipartiment tal-Istudji Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta. Flimkien huma ħolqu tim ta’ arkeologi, osteologi, esperti tal-fuħħar, konservaturi, u xjentisti tad-dijanjostika.
Il-wirja tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Ottubru. Id-dħul huwa b’xejn.