Is-Società Filarmonica La Vittoria tal-Mellieħa għadha kemm introduċiet 8 uċuħ ġodda fil-banda. Bħal kull soċjetà mużikali oħra bla dubju, żmien il-pandemija kien wieħed diffiċli, però dan kollu ma qatax qalb l-għalliema u permezz anke ta’ tagħlim b’sistemi speċjalizzati din is-sena 8 mużiċisti żgħar se jkunu qegħdin idoqqu għall-ewwel darba mal-Banda La Vittoria tal-Mellieħa fil-Festa tal-Vitorja.
Dawn huma Yolanda Grace Attard, Nicole Dimech u Martina Micallef fuq il-Klarinet, Thea Gauci fuq is-Saxophone, Dwain Aquilina u Miguel Attard fuq il-Kurunetta, Miguel Vella fuq l-Euphonium u Alex Bezzina fuq id-Drums.
Ma jistax jonqos li bħalissa għaddejjin ukoll l-aħħar tħejjiet għaż-żewġ kunċerti vokali u mużikali li din il-banda hija magħrufa għalihom.
Nhar il-Sibt 3 ta’ Settembru ser jiġi preżentat il-Kunċert tal-Festa fejn apparti li mistenni jkun ta’ livell mużikali għoli ħafna ser jirrifletti dak li għaddiet u għadha għaddejja riċentament id-dinja minnu. Fost il-mużika li sejra tindaqq insibu mużika mill-pinna ta’ Aram Khachaturian, New Cuorey, Vangelis u Hans Zimmer. Mal-Banda se jingħaqdu l-kantant Daniel Cauchi, Yuri Charyguine fuq l-Accordion, kif ukoll l-Kor tat-tfal ‘Vuċijiet Vittorjani’ taħt it-tmexxija ta’ Julia Grima u Claudia Vella. Dan kollu flimkien mal-mużiċisti, b’taħlita bejn professjonisti, stabbiliti u mużiċisti żgħażagħ promettenti għandu joffri serata mill-aqwa, rilassanti u li ġġiegħlek għalhekk tirrifletti.
L-għada l-Ħadd 4 ta’ Settembru jkun imiss il-La Vittoria Youths Live li hija attività b’forma ta’ live band u tinkludi diversi kantanti residenti fejn b’mużika mill-pinna ta’ Queen, Beatles, Frank Sinatra, The Tramps u Lady Gaga żgur li għandu jinħoloq spettaklu mhux komuni għall-baned Maltin. Jieħdu sehem il-kantanti Julia Grima, Mireille Borg, Thea Gauci, Cassandra Scerri, flimkien mal-kor tas-soċjetà ‘Vuċijiet Vittorjani’.
Dawn iż-żewġ kunċerti se jsiru fil-Pjazza tal-Parroċċa tal-Mellieħa mit-8:00p.m. ‘il quddiem taħt id-direzzjoni tad-Direttur Mużikali tal-Banda La Vittoria Mro. Ryan Mallia u l-Assistenti Diretturi Mużikali Mro. Hertian Gauci u Mro. Andrea Cassar. Dħul għal-dawn iż-żewġ kunċerti ikun bla ħlas.