Il-Forzi Ukreni qalu li avvanzaw f’territorju li kien okkupat mir-Russi fir-reġjun ta’ Kherson.
L-operazzjoni, li bdiet it-Tnejn, hija maħsuba biex treġġa’ lura lit-truppi Russi lil hinn mix-xmara Dnipro u, fil-proċess, tieħu lura l-belt ta’ Kherson.
Fl-avvanz tagħhom, l-Ukreni ħadu l-kontroll tal-ewwel linja tad-difiża Russa li, fost l-oħrajn, kien jinkludi żona industrijali li hu mifhum li kienet tintuża bħala bażi biex jinħadmu l-armi.
Ir-reġjun ta’ Kherson għandu popolazzjoni ta’ madwar mitejn u tmenin elf persuna, li kienu mitluba jevakwaw l-akwati mill-awtoritajiet Ukreni, minħabba l-attakki. Il-belt ta’ Kherson kienet l-ewwel belt maġġuri li waqgħet taħt ir-Russi minn mindu bdiet l-invażjoni.
Skont il-Presidenza Ukrena, bħalissa attakki qliel qegħdin jikkaratterizzaw in-Nofsinhar kollu ta’ dan ir-reġjun.
Fi żvilupp ieħor, vapur li kien qiegħed iġorr konsenja ta’ qamħ mill-Ukrajna wasal fil-Lvant tal-Afrika: l-ewwel vjaġġ li rnexxa minn meta bdiet l-invażjoni Russa fi Frar li għadda.
Djibouti, fejn daħal il-vapur, jinsab fi bżonn kbir ta’ ikel, b’mod speċjali minħabba n-nixfa fil-pajjiż li ħalliet eluf ta’ nies f’riskju li jmutu bil-ġuħ.
Dan il-vjaġġ sar b’arranġament min-Nazzjonijiet Magħquda fi sforz biex postijiet b’nies f’riskju li jmutu bil-ġuħ ikollhom konsenji ta’ qmuħ disponibbli. Il-vapur mistenni li jibda jħott il-konsenja fil-ħinijiet li ġejjin.
L-Ukrajna hija waħda mill-aktar pajjiżi li tesporta ikel, inkluż qmuħ, madwar id-dinja. B’konsegwenza tal-gwerra qegħdin jinħassu r-riperkussjonijiet madwar id-dinja kollha bi prezzijiet ogħla jew ammonti iżgħar ta’ ikel disponibbli.