Għaddejja ħidma sabiex Forti Delimara titnaddaf u tissebbaħ, bil-għan li dan il-post ikun f’kundizzjoni aqwa meta jsir aċċessibbli għal kulħadd.
Din il-forti nbniet fis-seklu dsatax u hija eżempju ta’ fortifikazzjoni kostali Vittorjana, sakemm fl-1956, din ma baqgħetx tintuża bħala fortifikazzjoni. Minn hemm l-art intużat bħala razzett għal aktar minn 25 sena, sakemm għaddiet taħt il-ħarsien ta’ Heritage Malta.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici żar dan is-sit fejn ra l-progress f’dak li huwa tindif, speċjalment fil-partijiet sotterranji u l-pjazza prinċipali f’nofs il-forti.
Il-Ministru Bonnici wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma ta’ Heritage Malta sabiex dan is-sit jingħata lura d-dinjità li ħaqqu. Qal kif il-Gvern huwa determinat sabiex ikompli jwettaq inizjattivi simili b’risq ir-restawr u l-apprezzament tal-wirt storiku Malti.
Intant, il-kuratur Matthew Balzan spjega s-sinifikanza ta’ dan is-sit li jmur lura għall-ħakma Ingliża. Spjega kif apparti l-forti nnifisha, dan is-sit fih karatteristiċi li huma uniċi madwar id-dinja.
“Fiha għad hawn erba’ kanuni kbar ta’ tmienja u tletin tunnellata il-wieħed, u dawn huma l-aħħar eżempju tagħhom fid-dinja kollha li għadhom il-kanun oriġinali fil-post oriġinali tiegħu. Jiġifieri dawn daħlu hawn f’April tal-elf tmien mija u tmenin, u sal-lum, sal-elfejn tnejn u għoxrin, baqgħu qatt ma nħarġu minn dan il-post.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit qal li x-xogħol li sar s’issa se jwassal għal żamma aħjar tas-sit. Huwa spjega l-ħidma tal-aġenzija sabiex il-poplu Malti u dawk kollha li jżuru pajjiżna, jkunu jistgħu igawdu mill-viċin il-wirt storiku Malti.
“Neħħejna strutturi li kienu ta’ periklu li ma kinux storiċi, u issa se nippjanaw biex nagħmlu open day fix-xhur li ġejjin, x’aktarx f’Ottubru, biex il-pubbliku jiġi u jara b’għajnejh ix-xogħol siewi li qed tagħmel din l-aġenzija għall-patrimonju tagħna, f’dan il-każ għall-Forti Dellimara.”