Għat-tieni ġimgħa konsekuttiva ssuktat ix-xejra tar-rebħ tal-premju l-kbir tas-Super 5 meta mara messitha x-xorti u rebħet l-ewwel premju tal-ġimgħa l-oħra, ta’ €250,000.
Anki l-ġimgħa ta’ qabel intrebaħ l-ewwel premju, li kien ta’ miljun ewro.
Għal-lotterija ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, il-mara lagħbet in-numri 1-10-21-25-37, flimkien ma’ erba’ settijiet oħrajn ta’ ħames numri li tilgħabhom fuq bażi regolari.
Ir-rebbieħa qalet li normalment iżżomm l-istess settijiet ta’ numri, imma din id-darba, meta kienet qed tikteb in-numri tas-soltu fuq il-karta tas-Super 5, iddeċidiet li tibdel u tinkludi sett ieħor.
Hija rrakkuntat li, meta l-aġent minn fejn tilgħab is-Super 5 fil-Marsa ċċekkjalha l-biljett u qalilha li kienet rebħet, għall-ewwel ħasbet li kien qed jgħaddiha biż-żmien.
Imbagħad, iżda, uriha l-messaġġ fuq il-magna li tiċċekkja l-biljetti u rrealizzat li kien qed jgħidilha l-verità.
Hija qalet li se tuża l-flus biex taqta’ s-self li kienet ħadet mill-bank biex setgħet tixtri darha.