It-team nazzjonali malti tal-waterpolo beda l-impenji tiegħu fil-Kampjonat LEN tal-Ewropa fi Split b’telfa ta’ 19 għal 5 kontra t-team qawwi tal-Kroazja. Riżultat mistenni kontra l-pajjiż li qed jospita dan il-kampjonat u wieħed mill-aktar timijiet b’saħħithom fl-Ewropa.
Team kroat li konna lagħbna kontrieh sitt snin ilu u dak in-nhar kienu rebħulna 22-2.
Fl-ewwel parti tal-logħba t-team malti, immexxi mill-kowċ Karl Izzo, żamm il-pass mal-avversarji hekk kif fl-ewwel sessjoni l-kroati rebħu 2-0 u fit-tieni sessjoni 3-1, bil-goal malti jasal minn Ben Plumpton.
Iżda l-Kroazja żiedu sew ir-ritmu fl-aħħar żewġ sessjonijiet. Sessjonijiet li huma rebħu 7-2 u 7-2.
L-aħjar skorer għat-team malti kien Matthew Żammit li skorja tliet goals. Iż-żewġ goals l-oħra waslu minn Ben Plumpton u Dino Żammit. Ta’ nota l-prestazzjoni tal-goalkeeper malti Jake Tanti li wettaq bosta saves, li żammu lill-avversarji milli jkabbru l-iskor.
Il-logħba li jmiss għal Malta tkun l-erbgħa kontra l-Greċja fl-10.30 ta’ filgħodu.