Ħmistax-il persuna, minn tal-inqas, tilfu ħajjithom waqt protesti wara li Moqtada al-Sadr, kjeriku tax-Shia u persuna influwenti ħafna, ħabbar li se jirtira mill-politika.
Għexieren ta’ persuni ħarġu fit-toroq għal protesti li saru vjolenti b’kunflitti bejn il-Forzi tal-Ordni u dawk leali lejn Sadr.
Il-Prim Ministru tal-Iraq ħabbar li ċ-ċittadini jistgħu joħorġu minn djarhom waqt ħinijiet ristretti biss sabiex tkun ikkalmata s-sitwazzjoni li qajmet protesti wkoll lil hinn minn Baghdad.
Waqt dawn il-protesti ċittadini fetħu n-nar, f’dak li qed ikun meqjus bħala l-agħar ġlied li ra l-Iraq fl-aħħar snin.
L-aktar żoni milquta kienu dawk fejn hemm binjiet tal-Gvern u ambaxxati.
Kelliem għas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Gueterres qal kif Gueterres jinsab allarmat b’dan il-ġlied u talab biex dawn jieqfu mill-aktar fis.