Għaddejjin il-preparamenti biex, ftit jiem oħra, issir riunjoni kbira ta’ eks studenti tal-junior lyceum li, bejn l-1981 u l-2007, kien magħruf bħala l-Liċeo Mikiel Anton Vassalli f’Tal-Ħandaq.
Fost dawn l-eks studenti hemm il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Toni Bezzina, li dalgħodu żaru flimkien il-Kulleġġ San Injazju ta’ Tal-Ħandaq – li jokkupa l-ispazju fejn kien hemm il-Liċeo Vassalli.
Hemmhekk, filwaqt li ddawru mal-kulleġġ, iddiskutew mat-tmexxija tal-iskola dwar id-dettalji tar-riunjoni kbira li huma fost dawk li l-aktar li qed jistinkaw biex tirnexxi.
Din ir-riunjoni, li se ssir fit-13 ta’ Settembru, se tara mijiet ta’ eks studenti tal-Liċeo li se jiltaqgħu flimkien mal-għalliema tagħhom wara tant u tant snin.
Il-Liċeo Vassallo kien infetaħ fl-1981 fiż-żona ta’ Tal-Ħandaq, barra Ħal Qormi, fuq art li bejn l-1947 u l-1978 tat l-edukazzjoni lil ulied in-nies tas-servizzi Ingliżi bħala r-Royal Naval School.
Meta l-post sar skola għall-Maltin, taħt it-tmexxija dinamika tal-ewwel surmast, John Michael Testa, u tal-kapijiet ta’ warajh, kien mgħammar b’kollox u kien saret simbolu tal-eċċellenza fl-edukazzjoni sekondarja.
Stefan Zrinzo Azzopardi u Toni Bezzina kienu emozzjonati li reġgħu lura f-iskola fejn kienu jattendu flimkien fis-snin tmenin u ħeġġew lill-eks studenti biex jattendu bi ħġarhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kulleġġ San Injazju qed jagħti s-sostenn kollu tiegħu biex dan l-avveniment ikun suċċess. Il-Kap tal-Kulleġġ, Doreen Said Pace, qalet li l-Kulleġġ ħassu onorat li se ssir din ir-riunjoni għax b’hekk l-istudenti attwali se jkunu jistgħu jaraw kif studenti li kienu jattendu din l-iskola fil-passat irnexxew f’xi qasam jew ieħor tal-ħajja.
Dawk l-eks studenti tal-Liċeo Vassalli li jixtiequ jattendu u li għadhom m’għamlux kuntatt mal-organizzaturi jistgħu jagħmlu dan permezz tas-sit reunionliceovassalli.ml.