Il-Ministru għall-Enerġija Belġjana wissiet li jekk ma jsir xejn mill-UE sabiex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-gass naturali, pajjiżi li jiddependu fuq l-enerġija biex jilqgħu għal kesħa, se jesperjenzaw fost l-agħar xhur xitwin għas-snin li ġejjin.
Din it-twissija waslet fost sejħiet oħra li qed isiru biex il-prezz tal-gass fl-Unjoni Ewropea jiġi moderat u li fl-istess waqt jiġu bbilanċjati l-kontijiet tal-enerġija.
Il-Ministru Belġjana żiedet tgħid li r-rabta bejn il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku hija waħda artifiċjali u li għalhekk jeħtieġ li tiġi riformata.
Il-Kanċillier Awstrijak wkoll esprima t-tħassib tiegħu u talab biex jinfatmu l-prezzijiet tal-enerġija minn mal-prezzijiet tal-gass.
Intant, il-Ġermanja qalet li qed iżżid il-ħażna tagħha tal-gass b’rata mgħaġġla sabiex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ gass mir-Russja. Il-Ġermanja hija l-akbar impurtatur tal-gass mir-Russja fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
It-tir tal-Ġermanja huwa li timla r-riervi tal-gass sa 85 fil-mija sa Ottubru. Fil-fatt, sabiex tilħaq dan l-għan, iddaħħlu bosta miżuri li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija.
L-istati membri tal-Unjoni Ewropea ilhom jissieltu maż-żidied fil-prezzijiet tal-enerġija mindu l-akbar furnatur tal-gass, ir-Russja, invadiet l-Ukrajna sitt xhur ilu. Is-sena l-oħra, ir-Russja forniet lill-Unjoni Ewropea b’40 fil-mija tal-gass.