Bosta minna nafu li jekk nieklu ikel bnin, ma npejpux, u nagħmlu l-eżerċizzju, dan jikkontribwixxi biex ikollna saħħa aħjar.
L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għamlet riċerka fuq x’inhuma l-fatturi li jagħmlu effett pożittiv f’ħajjitna. Mir-riċerka ħareġ li x-xogħol, l-edukazzjoni, l-ambjent, u r-relazzjonijiet tagħna jistgħu jaffettwaw saħħitna.
Kien għalhekk li l-Ministeru għas-Saħħa beda jaħdem fuq proġett, bl-isem ‘A Better Me’, maħsub biex jistabbilixxi pjattaforma nazzjonali sabiex tiġi indirizzata r-relazzjoni bejn is-saħħa u s-soċjetà.
One News tkellem mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, li qalet li bħala Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ilhom għaddejjin b’diversi kampanji. Id-Dipartiment joffri servizzi bħal programmi li jgħinu fil-kontroll tal-piż u tat-tipjip biex jgħinu lin-nies jgħixu stil ta’ ħajja aħjar.
Permezz ta’ dan il-proġett partikulari, li huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, il-fokus se jkun fuq fatturi soċjali bħall-ambjent tax-xogħol u dak fejn wieħed jgħix.
“Inħarsu lejn dawk il-fatturi li, meta wieħed jaħseb fuqhom, ma jkunx jaħseb li huma direttament relatati mas-saħħa. Pero’, fil-fatt, huma. Eżempju wieħed minnhom huwa l-livell tal-edukazzjoni tal-persuna. Dan huwa importanti ħafna, li nafu li hemm korrelazzjoni qawwija bejn l-edukazzjoni tal-persuna mat-tip ta’ health status li għandu l-persuna wkoll”
Hemm rabta qawwija bejn l-edukazzjoni tal-persuna u kemm dik il-persuna tkun f’saħħitha. Il-Professur Gauci qalet ukoll li punt ieħor importanti huwa t-tip ta’ xogħol li wieħed ikun qiegħed jaħdem. L-ambjent tax-xogħol tal-persuna u fejn wieħed ikun joqgħod huma żewġ fatturi oħra li jagħmlu effett fuq is-saħħa.
Hija qalet li l-proġett ‘A Better Me’ qed jinħadem ma’ Ministeri oħrajn sabiex il-fatturi soċjali tas-Saħħa jkunu jistgħu jitjiebu.
“Permezz ta’ dan il-proġett aħna qegħdin naħdmu ma’diversi Ministeri oħrajn biex aħna nkunu nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni tas-social determinants of health u b’hekk inkunu nistgħu nnaqqsu dak li jgħidulu l-Inequalities for health, ħalli kulħadd kemm jista’ jkun ikun jista’ jkollu saħħa li hija tajba.”
Bħala parti minn dan il-proġett għaddejja kampanja biex it-tagħrif joħroġ iktar fil-pubbliku.
Dan qed isir permezz ta’ ktejjeb li ntbagħat fid-djar, b’kartelluni fit-toroq ewlenin, u fuq il-Paġna tas-Sovrantendenza tas-Saħħa Pubblika fuq il-Facebook.